Kampanja biex l-immigranti jkunu pożittivi u jagħtu eżempju
"Malta nqisha t-tieni dar tiegħi. Salvajtuli ħajti. Nħossni sigur hawn. Qed ngħix mill-ġdid", jgħid Berhane, immigrant mill-Eritrea. Għal Fatima, omm mis-Somalja, Malta qed ittiha it-tieni ċans li tgħix mill-ġdid. Tħoss imma li l-kwistjoni tal-integrazzjoni fis-soċjetà għad jonqosha. Għal migrant Sudaniż, biex isseħħ l-integrazzjoni jrid ikun hemm sforzi minn kull naħa, għalkemm jirrimarka li s-sitwazzjoni f'Malta tjiebet ferm fejn jirrigwarda l-atteġġjament lejn migranti. "Li hawn huma grupp ta' nies, li qed jagħmlu ħoss ma kull każ li jinqala' u li jinvolvi l-migranti", sostna s-Sudaniż, waqt li esprima l-qbil tiegħu għall-kampanja li qed issir fosthom minn migranti stess biex ikunu ta' eżempju fis-soċjetà.
Dawn il-kummenti ngħataw lilna minn migranti quddiem il-fatt li issa nbdiet kampanja minn migranti stess biex titqajjem kuxjenza fost l-immigranti fejn jidħol l-konsum tal-alkohol u drogi. Il-messaġġ tal-kampanja, li qed issir mill-African Media Association Malta (AMAM), hu biex l-immigranti jkunu pożittivi u jagħtu eżempju.
Din il-kampanja qed issir b'kollaborazzjoni mal-komunitajiet differenti ta' Afrikani f'Malta. Il-messaġġ hu wieħed ċar. "Tkunx dak iż-żagħżugħ Afrikan li tispiċċa l-Qorti jew il-ħabs u b'hekk tagħmel isem ħażin lill-komunità kollha ta' migranti. Kun membru pożittiv tas-soċjetà. Uri lil oħrajn kif tista' tkun ta' eżempju pożittiv."
Il-messaġġ jgħid ukoll li, "Hu importanti li żgħażagħ Afrikani jirrealizzaw li kulll ħaġa żgħira ħażina li jagħmlu se tkun rappurtata fuq il-midja. Din imbagħad tispiċċa tiġi użata minn razzisti kontra l-istess migranti".
Ta' min jgħid li l-istess migranti qed jirrappurtaw żieda f'attakki li qed isiru kontrihom minn persuni li sa issa għadhom mhux magħrufa. L-aħħar każ kien jirrigwarda karozza li għaddiet minn ħdejn immigranti u ntefgħu fliexken lejhom. Il-każ ġie rrappurtat lill-Pulizija u anke ngħataw in-numri tal-karozza lill-Pulizija.
Ta' min jgħid li huma diversi dawk l-għaqdiet u individwi li jilmentaw dwar kummenti razzisti minn Maltin fuq is-siti soċjali. L-organizazzjoni 'The People for Change' f'rapport li kienu ħejjew kienu indikaw b'mod ċar li għandhom daħlu rapporti ta' inċitament ta' mibegħda razzjali fuq il-medja soċjali.
Quddiem dan, meta konna għamilna kuntatt mal-Korp tal-Pulizija u waqt li għaddejnielhom diversi kummenti li saru kienu saru ftit ġimgħat qabel, staqsejnihom kemm kien l-ammont ta' persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' razziżmu fuq siti soċjali. Ir-risposta tal-Pulizija kienet li, "Ninfurmak li matul din is-sena (2015) ma tressqet l-ebda persuna b'rabta ma' kummenti razzisti li nkitbu fuq is-sit soċjali 'Facebook."
minn inewsmalta.com


0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home