Sunday, April 3, 2016

'Keċċihom! Iknishom! F'ġieħ is-sewwa...' - Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, dalgħodu għamel diskors li fih spikkaw kliem bħal 'iknishom', 'tajjar', u 'keċċihom minn hemm' - kliem indirizzat lejn il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri. Huwa ddeskriva s-sitwazzjoni fil-pajjiż bħala waħda ta' inċertezza u qal li la l-Prim Ministru Joseph Muscat ma ħax azzjoni fuq il-Ministru Mizzi u fuq iċ-Ċhief of Staff Keith Schembri, ifisser li l-Prim Ministru jew mhux kapaċi jikkontrolla jew hu kompliċi mal-korruzzjoni. Tenna li l-Prim Ministru tilef l-appoġġ għax ipprefera l-ħmieġ. Dr Busuttil qal li, "Is-sitwazzjoni politika hi inkwetanti ħafna għax issa hawn sens ta' inċertezza kbira. Kull fejn tmur hawn sens ta' tensjoni. Titkellem ma' min titkellem, hu x'inhu l-kulur politiku tiegħu, jgħidlek li l-pajjiż ma jistax jibqa' sejjer hekk. Kif jista' jkun il-pajjiż ikompli f'din l-inċertezza? Hawn Gvern paralizzat li flok moħħu biex jiggverna, qed jaħseb biss kif se jiddefendi lilu nnifsu mill-iskandli. Fin-nofs hawn il-futur u l-isem ta' pajjiżna u din għandha tinkwetana lkoll."
Enfasizza li, "Hawn inċertezza għax il-gvern hu fi kriżi ta' korruzzjoni u din hi fl-ogħla livell. Sakemm kienet fuq livell ta' individwu bħal ta' Gaffarena, forsi kien hemm min jgħid li din tgħaddi imma issa qed tolqot lil Kastilja u tolqot lill-Prim Ministru u l-aktar nies viċin tiegħu. Għalhekk in-nies qed jgħidu ma jistax ikun ngħixu f'din l-inċertezza.
"L-aktar żewġ persuni viċini tal-Prim Ministru, wara li daħlu fil-poter instab li għandhom kumpanija sigrieta fil-Panama. Kieku m'għandhomx x'jaħbu kienu jagħmlu kumpanija jew trust f'Malta. Marru n-naħa l-oħra tad-dinja fejn hemm flus maħmuġin. Din hi mewġa li issa hi akbar mill-Gvern. Kulħadd qed jgħid li dan h u gvern fi kriżi ta' korruzzjoni. Kulħadd kien qed jistenna li l-Prim Ministru jieħu azzjoni. Kieku kont jien, dawn it-tnejn ilhom li spiċċaw aktar minn xahar.
"Il-Prim Ministru ma indenjax ruħu jerfa' r-responsabbilità u jkeċċihom. Dan ma sarx minħabba waħda minn żewġ raġunijiet - jew li tilef il-kontroll u għalhekk m'għadux kapaċi jmexxi, jew inkella jekk lil dawn it-tnejn l-aktar viċini tiegħek qegħdin taħt suspetti kbar, allura n-nies bilfors jibdew jissuspettaw li inti involut u kompliċi magħhom ukoll. Min ma jiġġilidx il-korruzzjoni hu korrott. Jew waħda jew l-oħra."
Saħaq li, "Jew Prim Ministru mhux kapaċi jikkontrolla, jew hu kompliċi mal-korruzzjoni. Dan qed ngħidu b'sens ta' responsabbilità."
Hu sellem lil Professur Albert Fenech u rringrazzjah. "Kif tafu intom, il-Professur Fenech irriżenja mill-Parlament u għamel dan wara li ftit tax-xhur ilu twaqqaf milli jkompli jagħti s-servizz tiegħu u b'hekk isalva l-ħajjiet fl-Isptar Mater Dei. Minħabba li fix-xogħol ġdid tiegħu se jieħdu għal żmien pjuttost twil barra l-pajjiż, hu ħass li ma jistax ikompli jaqdi dmiru fil-Parlament kif wieħed jistenna. Jien weġibtu u rringrazzjajtu."
Busuttil kompla jgħid li l-Gvern issa tilef rasu u sar anke jhedded. Qal li l-Gvern sar theddida għad-demokrazija. Qal li l-Gvern qed juża tattika faxxista, dik li jigdeb fuq l-avversarji. "La se ninsew Panamagate, la se negħjew u lanqas se nisktu fuq Panamagate. Din il-ġimgħa l-attakki tal-Gvern ifferoċjaw. Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri ħarġet liġi li billboards politiċi iridu jsiru fi żmien l-elezzjoni. Dejjaqhom il-billboard tagħna. Dejqithom Shame on You. Din suppost hi ċ-ċampjin tad-drittijiet ċivili. Lil Deborah Schembri ngħidilha li insieha Segretarju Parlamentari li se tagħlaqlu ħalqu lill-Partit Nazzjonalista. Sejra żball."
Hu qal li l-iskema ta' self saret għax hu ma jridx obbligi u ma jridx jitħammeġ.
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home