Reazzjonijiet għal kritika lejn Malta dwar l-għomor il-ħabs
Wara li l-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura sejjaħ lil għadd ta' Stati fosthom lil Malta biex jirrevedu l-proċeduri tagħhom dwar sentenzi ta' għomor il-ħabs u l-opportunità biex dawn l-istess priġunieri f'xi żmien jew ieħor jinħarġu mill-ħabs, diversi organizazzjonijiet li jaħdmu mal-priġunieri esprimew il-qbil tagħhom ma' dak li ntqal u sejħu biex Malta tibdil il-liġi.
inewsmalta.com, tkellem ma' Prison Fellowship Malta,
ma' l-Għaqda Mid-Dlam għad-Dawl u anke ma' Charles Miceli, dawn urew li
jaqblu li għandu jkun hemm tibdil fil-proċeduri f'Malta, biex dawk
b'għomor il-ħabs ikunu jistgħu jikkwalifikaw għall-parowl. Jirriżulta li
saru għadd ta' talbiet biex priġunier b'għomor il-ħabs jinħareġ għal
siegħa, iżda għal dan qatt ma kien hemm rispons.
'Ridna li Walid Ben Ali jinħareġ għal siegħa imma bqajna bla risposta"
Mark F Vella Ċermen ta Prison Fellowship Malta meta kuntattjat minn inewsmalta.com
qalilna li "nemmen li fil-każ ta' persuni li jkunu qed jiskontaw
sentenza ta' għomor il-ħabs ħaqqhom li wara li jkunu skontaw numru ta'
snin il-ħabs bħal 20 jew 25 sena ikunu jistgħu japplikaw għall-prison
leave. Dejjem jekk ikollhom rekord ta' imġieba tajba fil-ħabs. Prison
Fellowship Malta diversi drabi talab lill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin
biex il-priġunier Wahid Ben Ali li diġa skonta 28 sena l-ħabs joħroġ
mill-ħabs skortat għal siegħa u jmur ma' familja ta' voluntiera ta
Prison Fellowship Malta. Dejjem bqajna bla risposta. Aħna ilna snin
ngħinu fil-bżonnijiet materjali ta' Wahid li ma jkollux flus biex jixtri
l-bżonnijiet tiegħu inkluż mediċini", sostna Mark Vella.
"F'Mejju suppost tingħata sentenza…lesti nmorru fil-Qorti Ewropea"
Minn naħa tagħha l-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl laqgħet
b’sodisfazzjon dak li fih ir-rapport maħruġ mill-Kumitat Ewropew
għall-Prevenzjoni tat-Tortura. Intqal li "f’dan ir-rapport dan
il-kumitat qiegħed jitlob lil xi stati membri li għad għandhom fuq
il-kotba tagħhom sentenzi ta’ għomor il-ħabs mingħajr ma’ jkun hemm
l-ebda tama li xi darba dak li jkun joħroġ mill-ħabs. Dan il-kumitat
qiegħed jgħid li hu inuman li titfa' persuna l-ħabs għal ħajjitha
mingħajr ma din għandha prospetti li terġa' toħroġ. Dan ma jfissirx li
kull priġunier għandu jinħareġ f'xi stadju jew ieħor, imma pjani
individwali huma essenzjali biex jevalvaw fuq il-bażi ta' kas b'kas,
dwar jekk u meta dak il-priġunier jista' jirritorna lura fis-soċjetà".
F’parti oħra r-rapport jgħid li, “nafu mill-esperjenza li priġunieri
b'sentenza ta' għomor il-ħabs mhux neċessarjament aktar perikolużi minn
priġunieri oħra." Dan jaqbel ukoll ma’ diversi sentenzi tal-Qorti
Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jgħidu li tali sentenzi jmorru
kontra Artiklu 3 tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din kienet
minn dejjem ukoll l-opinjoni tal-Fondazzjoni Mid-Dlam ghad-Dawl li matul
iż-żmien tkellmet dwar dan f'ħafna okkażjonijiet u ma' ħafna persuni.
Bħhalissa fil-qorti hemm kawża li, bl-għajnuna ta' Mid-Dlam ghad-Dawl,
qiegħed jagħmel priġunier li għandu sentenza ta' għomor il-ħabs. Wara
stennija ta’ kważi sena nittamaw li tingħata fis-seduta li jmiss
fil-bidu ta' Mejju. Madankollu il-gvern jista' jieħu l-parir ta' dan
il-kumitat u jagħmel il-bidliet meħtieġa fil-liġi. Fl-opinjoni ta’
Mid-Dlam għad-Dawl dan jista’ jsir billi dawk li qegħdin il-ħabs
b’sentenza ta’ għomor ikunu nklużi mal-priġunieri l-oħrajn u jkunu
eliġibbli għall-Parowl".
L-istess għaqda qaltilna li qed jistennew is-sentenza li mistennija
tingħata f'Mejju fejn intqal lilna li jekk tintilef l-istess għaqda
lesta tmur quddiem il-Qorti Ewropea.
L-attivist soċjali, Charles Miceli, meta kuntattjat minn inewsmalta.com
qalilna li "meta suppost qed ngħixu f’pajjiż iċċivilizzat, meta suppost
aħna Kattoliċi u qed ngħixu fis-Sena tal-Hniena, niskanta kemm hawn
nies għadhom jgħixu fit-Testment l-Antik. U għalihom l-unika mezz ta’
ġustizzja huwa ta’ għajn għal għajn u s-sinna għal sinna. Inħoss dehxa
f’ġismi kull darba li xi ħadd jintbagħat għomru l-ħabs. Għax għalija dik
hija agħar minn sentenza tal-mewt. L-aktar meta nsir naf li mal-għomor
qed norbtu wkoll perjodi fejn persuna tagħmel perjodu maqfulha waħedha.
Tortura mill-aktar kiefra. Hemm bżonn li l-Gvern li jemmen mhux biss
fil-ġustizzja soċjali imma wkoll fil-ġustizzja, ma jibqax iħares lejn
il-voti u lejn l-opinjoni pubblika. Irridu nuru lid-dinja li aħna
iċċivilizzati bis-serjetà. Jekk ħa nżommu s-sentenza ta’ għomor il-ħabs
għal n-nies li jagħmlu żbalji kbar nagħtuhom iċ-ċans ta’ parowl, ngħidu
aħna wara 20 sena. Hekk ma nkunux qed noqtlu t-tama. Hekk ma nkunux qed
nidfnuhom ħajjin."
“Irridu naraw il-Qorti x’se tgħid” - Il-Ministru Owen Bonnici
inewsmalta.com talab ir-reazzjoni tal-Ministru
għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici dwar dan. Waqt li
sostna li ma kinitx l-ewwel darba li ħarġu dikjarazzjonijiet ta’ din
ix-xorta, huwa qal li jinsab infurmat li hemm każi kostituzzjonali
pendenti fil-Qorti dwar dan il-każ. Għaldaqstant, il-Ministru Bonnici
qal li wieħed irid jistenna u jara l-Qorti x’se tgħid.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home