'Mhux minnu li waqaf ix-xogħol fil-Pjazza ta' Raħal Ġdid'
Minkejja li kien hemm min kien qed ixerred xnigħat f'Raħal il-Ġdid li l-proġett tal-Pjazza ta' Raħal Ġdid kien wieqaf u li aktarx idum hekk għal xhur sħaħ, kemm iċ-Ċermen tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta' Malta, Silvio Parnis kif ukoll is-Sindku Dominic Grima ċaħdu dan. Huma spjegaw li mhux talli ma waqafx il-proġett talli għaddejja ħidma intensiva fuq tenders marbuta ma' dan il-proġett li mhux biss se jagħti ħajja ġdida lill-pjazza imma se jgħaqqad il-pjazza ma' Ġnien il-Mediterran li qabel kien magħruf bħala 'Ġnien Gaddafi' u anke mal-campus tal-MCAST.Silvio Parnis u s-Sindku spjegaw li l-proġett beda ftit ġimgħat ilu peress li l-esperti ekoloġiċi indikaw li dak kien l-aħjar żmien biex jinqalgħu is-siġar tal-pjazza.
Mitlub jikkummenta dwar dawn ix-xniegħat u rapporti f'sezzjonijiet tal-midja, iċ-Ċermen tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar Silvio Parnis qalilna li, "Il-proġett tal-Pjazza Antoine De Paule għadu għaddej kif ippjanat. B’dan il-proġett se nagħtu lura l-pjazza lir-residenti. Dan billi se nnaqqsu ċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku bla bżonn u b’konsegwenza ta’ dan se tiżdied iż-żona pedonali saħansitra sa mija fil-mija. Dan se jfisser titjieb drastiku fil-kwalità tal-arja. Fl-istess ħin se jkun proġett li se nindirizzaw sfida oħra li qed jiffaċċaw diversi kommunitajiet kummerċjali, li hi dik tal-parkeġġ. B’dan il-proġett se naraw il-parkeġġ disponibbli f’din iż-żona jiżdied b’54 fil-mija."
Silvio Parnis enfasizza li, "Dan il-proġett se joħloq aċċess dirett ġdid mal-MCAST biex b’mod pedonali ngħaqdu din il-pjazza ma’ istitut edukattiv ewlieni fil-pajjiż. Dan huwa wkoll proġett li se jkompli jagħti spinta lill-operaturi kummerċjali fiż-żona. Proġett ta’ din il-portata jkun maqsum f’numru ta’ fażijiet. Fl-ewwel fażi tneħħew is-siġar mill-pjazza, b’konsultazzjoni sħiħa mal-għaqdiet ambjentali u s-siġar kienu rilokati b’suċċess f’żoni oħra fl-istess lokalità. Irrid nispjega li x-xogħol fuq ir-rilokazzjoni tas-siġar kien wieħed sensittiv u esperti fis-settur irrakkomandaw li dan it-tip tax-xogħol biex ikun suċċess kellu jsir f’ċertu perjodi tas-sena. Nistgħu nikkonfermaw li dan il-proċess kien effettivament suċċess għaliex diġa hemm siġar li bdew jieħdu fil-post il-ġdied."
Żied jgħid li, "issa l-fażi li jmiss huwa dak li nwaqqfu latrina li hemm fil-lokalità biex jinfetaħ passaġġ li jgħaqqad il-pjazza, mal-ġnien u l-kampus tal-MCAST. It-tender għax-xogħlijiet neċessarji wasal fl-istadju ta’ aġġudikazzjoni u mistenni jibda dalwaqt. Nikkonferma li l-proċess fuq it-tender prinċipali għadu għaddej u qed nieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex għall-kuntrarju ta’ dak li kien jiġri fil-passat, taħt amministrazzjonijiet preċedenti, nevitaw li jkollna ċirkostanzi li jitfgħu lura l-proġett. Nikkonfermaw ukoll li l-kuntratt se jimponi kundizzjonijiet fuq il-kuntrattur biex iwettaq ix-xogħol fil-perjodu stabbilit. Se jkun assigurat lix-xogħol ma jxekkilx il-programm ta' festi fil-lokalità, partikolarment din is-sena li hemm stennija kbira għall-festa u mill-għaqdiet mużikali tal-lokal."
Dwar ix-xogħlijiet f'dak li kien magħruf bħala Ġnien Gaddafi, Silvio Parnis qalilna li, "Ix-xogħol fuq dan il-ġnien, li issa ngħata l-isem ta’ Ġnien il-Mediterran, miexi b’ritmu tajjeb ħafna u skont dak ippjanat. Dan il-ġnien huwa filfatt parti integrali mill-istess proġett għax se jgħaqqad il-pjazza tal-lokal mal-MCAST. Ix-xogħol fuq il-ġnien jinkludi xogħol ta' tisbiħ u manutenzjoni tal-ħitan, liema xogħol miexi kif ippjanat."
minn l-orizzont
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home