Għas-sena 2016……….
L-investiment f'pajjiżna se jiżdied b'5 fil-mija
- previżjonijiet tal-Bank Ċentrali
Hekk kif ilbieraħ il-Bank Ċentrali ta' Malta ippubblika ir-rapport annwali tiegħu għas-sena 2015, u mill-previżjonijiet li saru qed ikun imbassar li għas-sena 2016 l-investiment f'Malta se jiżdied b'5 fil-mija waqt li għas-sena ta' wara hu mistenni jiżdied b'4.3 fil-mija. Intant fl-istess rapport il-Bank Ċentrali qed ibassar li għas-sena 2016 l-ekonomija ta' pajjiżna se tikber b'5 fil-mija. Dan ifisser li hu żewġ punti perċentwali aktar, jew darba u nofs, ir-rata ta' tkabbir li sa ftit xhur ilu l-istess Bank Ċentrali kien bassar għal din is-sena. Il-Bank Ċentrali qed jistma li l-esportazzjoni se tkabbar l-ekonomija b'0.5 punti perċentwali fis-sena 2016. Din ukoll hi reviżjoni 'l fuq imqabbla mat-tbassir li kien sar sitt xhur qabel.
Il-preżentazzjoni saret mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, l-Professur Josef Bonniċi. Intqal li "l-pass b'saħħtu tat-tkabbir ekonomiku ġie rifless fis-suq tax-xogħol fejn l-impjiegi komplew jiżdiedu b'żieda ta' 2 fil-mija fl-impjiegi fl-ewwel disa' xhur tas-sena li għaddiet. Jgħid ukoll li l-qgħad kompla b'xejra 'l isfel, bir-rata tal-qgħad tinżel fl-iżjed livell storikament baxx." L-esperti tal-Bank Ċentrali qed ibassru li għall-ewwel darba f'diversi snin id-defiċit se jersaq viċin il-1 fil-mija waqt li l-pagi se jogħlew b'aktar milli żdiedu din is-sena.
Dwar l-iżviluppi fil-prezzijiet, intqal li r-rata medja tal-inflazzjoni f'Malta bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet tal-Konsumatur telgħet għal 1.2 fil-mija fis-sena 2015 minn 0.8 fil-mija fis-sena 2014. Ġie enfasizzat li ż-żieda seħħet l-aktar minħabba żviluppi fil-prezzijiet tal-ikel mhux ipproċessat. Għalkemm il-pressjonijiet fuq il-prezzijiet f'Malta kienu pjuttost stabbli meta mqabblin max-xejriet storiċi, ir-rata annwali tal-inflazzjoni baqgħet ogħla minn dik taż-żona Ewro iżda aktar viċin il-mira tal-Bank Ċentrali Ewropew għal inflazzjoni ta' inqas iżda viċin it-2 fil-mija. Mir-rapport hu previst li r-rata annwali tal-inflazzjoni hi mistennija li tibqa' l-istess fil-livell ta' 1.2 fil-mija fis-sena 2016, qabel ma' titla' għal 1.8 fil-mija fis-sena 2017.
Il-Bank Ċentrali jitkellem ukoll fuq l-iżviluppi fiskali u jgħid li bank jipprevedi li d-defiċit tal-gvern ġenerali naqas għal 1.6 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku fis-sena 2015, waqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern naqas għal 63.6 fil-mija. Kemm id-defiċit kif ukoll id-dejn mistennija li jkomplu jonqsu fis-sentejn li ġejjin.
Irid jingħad ukoll li minkejja li s-sena li għaddiet Malta kellha għat-tielet sena konsekuttiva l-ogħla rata ta' tkabbir fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea, xorta l-esperti tal-Bank Ċentrali qed ibassru li fis-sena 2016 pajjiżna se jkollu rata ogħla ta' tkabbir ta' impjiegi, kważi ta' 4 fil-mija. Dan mistenni jwassal biex ir-rata tal-qgħad taqa' għal minimu storiku ta' 5.1 fil-mija.
Il-Bank Ċentrali qed ibassar li d-domanda domestika se tibqa' l-mutur tat-tkabbir ekonomiku. Il-konsum privat se jkompli ji żdied b'mod sinifikanti xprunat minn titjib fid-dħul tal-familji. Waqt li l-Gvern mistenni jillimita l-ispiża tiegħu, il-Bank Ċentrali qed jistenna li l-investiment privat u pubbliku jkomplu jiżdiedu din is-sena.
Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home