Rupam... mill-Bangladex għall-parroċċa ta' Stella Maris f'Tas-Sliema
Lil ommu ilu ma jaraha għaxar snin. Kien jgħix fil-belt ta' Chittagong
fil-Bangladex. Daqqa f'dar u daqqa f'oħra. Ippersegwitat u mfittex. Kemm
il-darba ġie msawwat. Kien mhedded kontinwament. Protesti kontrih u
kontra l-kitbiet tiegħu favur il-minoranzi saru ukoll. Missieru spiċċa
maqtul. Sħabu bloggers oħra kienu mheddin. Kien hemm min ma ħax
it-theddida bis-serjetà. Kienu jiktbu f'Mukto Mona (ħassieba ħielsa).
Spiċċaw ukoll inqatlu minn gruppi militanti Islamiċi. Rupam, martu
Aprajita u binthom Aru ta' kważi erba' snin kienu qed jgħixu f'din
is-sitwazzjoni terribbli. "X'jagħmlu, jibqgħu hemm?", kienet mistoqsija
pertinenti li dejjem tberren f'moħħ Rupam.
Biex isalva l-familtu Rupam iddeċieda fuq dak li dak li qatt ma xtaq
jagħmel. Jitlaq mill-Bangladex. Vjaġġ li dam seba' xhur. Vjaġġ bi
tbatijiet kbar. Tista' timmaġina vjaġġ mill-Eġittu għal-Libja,
ippakkjati ġo karozza. Imbagħad jiem ġo stiva ta' dgħajsa. Illum qed
jgħix f'Malta. Ingħata status ta' refuġjat. Imma mhux biss, u dan għax
illum hu impjegat mal-Parroċċa ta' Stella Maris f'Tas-Sliema, fejn din
il-familja ngħatat akkomodazzjoni u integrat sew fis-soċjetà.
"Malta hi pajjiżi. Hawnhekk ġejna aċċettati. Issa nafu li qed ngħixu.
Lil Malta inqisha l-pajjiż tiegħi. Il-Bangladex ma offrili xejn. Ma
stajniex ngħixu hemm", jiddikjara Rupam.
"F'Bangladex hemm grupp militanti li ma jħallix kittieba jwasslu messaġġ"
Iltqajna ma' Rupam u ma' martu fis-sagristija tal-Knisja ta' Stella
Maris. Bil-parruċċani, li issa draw lil Rupam, jirrimarkaw kemm hu
bniedem kwiet, jersaq lejna jeħdilna b'idejna u jsellem. "Fil-Bangladex
ma tistax tgħix jekk tkun ta' reliġjon oħra. Hemm gruppi militanti li
jitterorizzawk. Jien kont nikteb fuq blog favur minoranzi u d-drittijiet
tagħhom. Jien kont buddist u marti kattolika. Spiċċajna ġejna
ppersegwitati."
"Kont nikteb u nikkritika ż-żwiġijiet bejn tfal u adulti. Żwiġijiet
sfurzati. Kif tista' tifla tiżżewweġ ta' tmienja jew disa' snin? Xi
żwieġ hu dak? Spiċċaw saru protesti kontrija. Għandi anki filmati ta'
dak li sar. Ħarqu ritratti tiegħi. Ġejt imsawwat u ttorturat. Ma stajtx
nibqa' ngħix hemm".
Vjaġġ tal-biża'… ma rridx niftakar fih
"Fil-Bangladex spiċċajna niġru minn dar għal oħra. Fl-aħħar iddeċidejna
li nitilqu. Ir-riskju fuq il-familja kien kbir. Mar f'Dhaka u minn hemm
vjaġġ lejn l-Eġittu. Minn hemm, flimkien ma' ħafna persuni oħra
vvjaġġajna lejn il-Libja". Nistaqsuh kif sar il-vjaġġ u jgħidilna li
"kien vjaġġ tal-biża'. Lanqas irrid nitkellem dwaru. Intużat vettura.
Spiċċajna litteralment imdendlin mal-karozza", waqt li b'idejh beda
jgħidilna kif kien imdendel mal-vettura."
Nistaqsuh dwar il-ħajja fil-Libja u jgħidilna li "konna ninżammu f'post
kbir. Kien hemm ħafna persuni. Naħseb li kienet xi fabbrika li ma
baqgħetx tintuża. Konna ngħixu b'nuqqas ta' ikel u ilma. Nistennew li
naqbdu l-vapur lejn l-Ewropa".
Lil Rupam u l-familja tiegħu il-vjaġġ ġie jiswihom madwar $15,000.
Rupam jiddeskrivi l-vjaġġ bil-baħar bħala 'orribbli'. "Esperjenza li ma
jridx jitkellem dwarha''. Trawma li għadha f'moħħu.
"Fuq id-dgħajsa kien hemm tensjoni kbira. Tpoġġejna fl-istiva. Kien
hemm id-dlam u ma nistax ngħid kemm dam il-vjaġġ. It-traffikanti kienu
l-ħin kollu jgħajtu magħna u jitrattawna ħażin. Allaħares titlobhom xi
ħaġa. Minħabba f'hekk ħafna għażlu li joqgħodu kwieti u jsegwu
fis-silenzju. Kien vjaġġ li fih ma tafx x'se jiġri. Ma tistax timmaġina
s-sofferenza. Nitlob 'l Alla li ħadd ma jesperjenza vjaġġ bħal dak".
It-tifla tagħhom ukoll ġiet affettwata ħażin fejn din bdiet tirremetti u
la kien hemm ikel u lanqas ilma.
'Ridna nilqgħu appell tal-Papa…impjegajna lir-refuġjat'
Il-Kappillan tal-Parroċċa ta' Stella Maris, Dun Anton Portelli, meta
staqsejnieh dwar kif waslu biex taw akkomodazzjoni u xogħol lil dan
ir-refuġjat, qalilna li "konna smajna lill-Papa jgħid li l-parroċċi
għandhom jilqgħu refuġjati. Għedna ħa naraw kif nistgħu nagħmlu għax
fis-sular ta' fuq kellna fejn jistgħu jorqdu. Kellna bżonn 'handyman'
fil-parroċċa għax hawn ħafna bżonn. Kellimna lill-Kummissjoni Emigranti u
ssuġġerewlna din il-familja. Għandna ħafna bini u kellna bżonn handyman
u impjegajnieh. Aħna kuntenti bihom u huma kuntenti bina. Għamilna opra
tal-ħniena dik li tilqa' 'l-barrani."
Fil-parroċċa ta' Stella Maris mhux biss jgħix iżda kien megħjun biex
isiru l-kuntatti meħtieġa biex Rupam jerġa' jisma' leħen ommu.
Daqstant bogħod minn fejn twieled... xorta tibqa' l-biża'
Lil Rupam nistaqsuh jekk iħossx li Malta hi t-tieni dar tiegħu.
It-tweġiba hi ċara. "Malta inħossha dar. L-ewwel dar tiegħi.
Fil-Bangladex ma stajniex ngħixu. Hawn nistgħu nibnu futur.
Nirringrazzjaw lill-poplu Malti li laqagħna. Kuntenti ħafna hawn".
Imma lil hinn minn dan il-biża u t-trawma tal-persekuzzjoni
fil-Bangladex tibqa'. Allavolja daqstant bogħod jippreferi joqgħod lura
milli jagħti kummenti b'wiċċu jidher. "Hemm gruppi perikolużi u ma tafx
fhiex jaslu. Għad għandi familjari fil-Bangladesh u qatt ma tista'
tgħid x'se jagħmlu".
Bloggers barranin mhedda ukoll…oħrajn maqtulin
Ta' min jgħid li ftit xhur ilu gruppi militanti fil-Bangladex kienu
ħarġu lista ta' bloggers li jinsabu fil-mira tagħhom. Fost dawn kien
hemm bloggers li kienu jgħixu f'pajjiżi barranin fosthom Taslima
Nasrin fl-Istati Uniti, Omar Faruk Lux fil-Ġermanja, Farzana Kabir Khan
Snighda fil-Ġermanja u Arifur Rahman fir-Renju Unit.
Kważi sena ilu fil-Bangladesh kien inqatel il-blogger magħruf 'Ananta
Bijoy Dash. Fis-sena 2013 kein inqatel il-blogger Ahmed Rajib Haider.
Blogger iehor magħruf li għadda mill-istess destin kien Avijit Roy.
Ritratt: Roger Azzopardi
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home