Tuesday, April 5, 2016

Barrikati u 'speed cameras' mixtieqa 'fit-triq tal-mewt'

Wara l-inċident li fih mietet Lourdann Psaila fil-bypass tas-Siġġiewi għal darba oħra kienu diversi residenti li lmentaw ma' dan il-ġurnal dwar il-bżonn li titteħed azzjoni u jsiru miżuri biex din it-triq tkun aktar sigura mhux biss għas-sewwieqa, imma anki għar-residenti u min ikun qed jimxi fiha.  "Din hi triq li fiha diversi perikli', qalilna wieħed mir-residenti. Il-ġurnal L-ORIZZONT jinsab f'pożizzjoni li juri li xhur ilu eżattament f'Ottubru kienu saru seba' proposti lil Transport Malta għal aktar sigurtà f'din it-triq. Dawn ivarjaw minn barriers sa speed cameras.   Residenti li tkellmu mal-ġurnal L-ORIZZONT qalulna li "nistennew li Transport Malta tieħu azzjoni fuq din it-triq. Hemm bżonn ikollna aktar inċidenti biex finalment tittieħed azzjoni?".  Resident iehor qalilna li "nittamaw li dawn il-miżuri ta' sigurtà jitwettqu. Nifhem li jridu jridu l-istudji neċessarji, imma l-periklu qiegħed hemm b'mod kontinwu".
Il-proposti tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għal aktar sigurtà fil-bypass jinkludu li  tiġi installata 'speed camera' fuq iż-żewġ naħat tat-triq.  Il-proposta hi li dawn jiġu installati fil-parti tat-triq fejn hemm trejqa li tagħti lejn Wied Xkora.
Proposta oħra hi li tinbena rawndebawt minflok is-sistema ta' traffic islands li tinsab fil-bidu ta' Triq Mons Mikiel Azzopardi (il-bypass), fil-parti tat-triq li tmiss mat-triq li tagħti lejn Ħaż-Żebbuġ. Permezz ta' din  is-sistema ta' rawndebawt jiġi kkontrollat sewqan eċċessiv waqt li s-sewwieqa jkollhom l-għażla li jaqbdu toroq differenti skont il-bżonn.
Proponiment iehor hu dak li Triq Kircher issuer 'one way' biex l-ebda vettura ma tkun tista' toħroġ minnha għal Triq Mons Mikiel Azzopardi.
Il-Kunsill qed jipproponi ukoll li jkunu installati 'crash barriers' fl-aktar partijiet perikolużi tal-bypass u dan biex anke jkunu mħarsa ir-residenti, id-djar u dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi fuq il-bankini.
Kien propost ukoll li  ssir 'pedestrian crossing' fl-ewwel parti tal-bypass eżattament fiż-żona ta' Triq l-Andar u Triq il-Ħsad biex ir-residenti fiż-żona magħrufa bħala ta' Kerċeppu jkunu jistgħu jaqsmu b'mod sigur.
Il-Kunsill Lokali qed jipproponi ukoll li jsir immaniġġjar ġdid tat-traffiku fil-parti tal-bypass li tmiss ma' Wesgħat il-Palazz u dan biex jonqos il-periklu eżistenti.
Qed ikun propost ukoll li ssir linja kontinwa bajda fil-bypass bl-eċċezzjoni ta' fejn hemm ħtieġa li l-vetturi jaqsmu biex jidħlu fi triq oħra.
minn l-orizzont

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home