Monday, April 4, 2016

Negozjati għal 'park naturali' f'Ħas-Saptan

Huma diversi dawk l-Għaxqin u anke residenti mill-Gudja li esprimew tħassib ma' dan il-portal dwar proġett mill-Enemed biex faċilità tal-ħażna tal-fjuwil f'Ħas-Saptan tibda tintuża b'mod regolari u dan minħabba li se jingħalaq l-impjant tal-fjuwil li jinsab f'żona residenzjali f'Birżebbuġa.
Żona li fiha llum imorru diversi persuni jikkampjaw. Oħrajn jużawha għal mixjiet u oħrajn biex jarmu kull tip ta' imbarazz li jkollhom.  Stħarriġ li sar minn inewsmalta.com jidher li għaddejjin negozjati biex fi tmiem il-ġimgħa iż-żona indikata, li hi mimlija siġar taż-żebbuġ, tkun imsebbħa u rranġata biex tkun tista' tiġi dikjarata bħala park naturali u tkun tista' titgawda bla xkiel mill-pubbliku.  Il-proġett minnu nnifsu qed jingħad li se jkollu effett minimu fuq il-madwar minħabba li l-istrutturi li se jinbnew se jkunu b'ġonna fuq is-soqfa.
inewsmalta.com għamel kuntatt mas-Sindku ta' Ħal Għaxaq, Darren Abela, fejn dan ikkonfermalna li għaddejjin negozjati għal park naturali fiż-żona.
Is-Sindku Darren Abela, qalilna li "l-kwistjoni tal-għeluq tal-impjant tal-fjuwil f'Birżebbuġa se jwassal biex jibdew jintużaw mill-ġdid b'mod frekwenti t-tankijiet li hemm f'Ħas-Saptan. Dawn it-tankijiet se jitnaddfu u se jiġu kif kienu. It-tankijiet qegħdin taħt l-art u dawn kienu diġa qed jintużaw ftit. Issa b'dan il-proġett se jibdew jintużaw b'mod regolari".
Hu spjegalna li "l-kunsill se jorganizza laqgħa nhar it-Tlieta. Bħala kunsill iltqajna mal-kumpanija Enemed. Tkellimna dwar il-progett. Dan se jkun proġett ambjentali. Se jkun hemm binja b'għadd ta' kmamar bħala uffiċini. Biss il-binja mhux se tkun tidher  u se jkun hemm ġnien fuq is-soqfa."
Tenna li "se nkunu qed nistudjaw l-impatt ambjentali u qed niddiskutu mal-kumpanija biex dawn  jagħmlu proġett f'Ħal Għaxaq.  Iż-żona indikata hi kbira. Persentaġġ żgħir minnha biss se jinbidel. Is-siġar li se jinqalgħu se jitpoġġew f'żona oħra."  Ikkonferma li qed isiru negozjati għall-park naturali għall-familja.
Is-Sindku qal lil inewsmalta.com li "qed niddiskutu biex iż-żona tibqa' użata minn nies. Irridu li ż-żona tissebbaħ u tiġi rranġata u fi tmiem  il-ġimgħa il-post ikun jista' jitgawda bħala park naturali mill-familji Maltin."  Saħaq li l-kunsill qed jara l-proġett bħala wieħed pożittiv, b'mod partikolari meta ra l-informazzjoni u d-disinji provduti.
Mill-informazzjoni provduta dwar dan il-proġett propost lill-MEPA, li nhar l-Erbgħa jagħlaq iż-żmien li fih jistgħu jsiru oġġezzjonijiet, jingħad li fil-post se jsir stazzjon tal-fjuwil biex jissupplixxi lit-trakkijiet li jġorru l-fjuwil. Fil-post hemm 14-il tank tal-fjuwil, li jesgħu 100 metru kubu. L-istazzjon se jkun jikkonsisti  f'sitt karreġġjati bi tlett magni f'kull karreġġjata. Mill-istess informazzjoni provduta jingħad li mhux mistenni jkun hemm impatt fuq ir-residenti għax l-eqreb residenzi huma madwar kilometru bogħod. 
Il-proġett, li hu propost li  jsir f'art li hi barra ż-żona ta' żvilupp, għandu riskji marbutin mal-ilma ta' taħt l-art  minħabba li dan l-iżvilupp jinsab qrib il-borehole ta' Ħas-Saptan u qrib il-wied. Ir-riskji ġew klassifikati bħala li huma baxxi, waqt li jissemmew miżuri li se jittieħdu biex jilqgħu għal dawn ir-riskji. 
Ritratt: Ian Noel Pace
 

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home