Wednesday, April 6, 2016

Il-kindergarten tal-Vajringa terġa' tibdel il-post…minn tad-Duttrina għal għand tal-Mużew

"Mhux aċċettabbli li studenti tal-Kindergarten kienu se jitpoġġew fi klassi żgħira li lanqas jistgħu jiċċaqilqu.  Mhux aċċettabbli lanqas li l-għalliema kien se jkollhom jarmaw u jżarmaw il-klassi kuljum.  Għedna li dan mhux aċċettabbli u issa jidher li sabu soluzzjoni oħra għat-tfal tal-kindergarten fir-Rabat Għawdex. Dawn jidher li se jmorru f'post tal-mużew tas-subien. Naf li għalliema marru jkejlu u jaraw il-post. Dan hu aċċettabbli".  Dan sostnieh ma' inewsmalta.com, il-President tal-Unjin tal-Għalliema (MUT) Kevin Bonello, dwar il-problema ta' nuqqas ta' spazju għal tfal tal-kindergarten fir-Rabat Għawdex.  Hu spjegalna li jidher li l-Kulleġġ t'Għawdex qed iħalli ħafna tfal minn żoni oħra f'Għawdex jattendu l-iskola tar-Rabat Għawdex u dan qed iwassal għal sitwazzjoni fejn hemm nuqqas ta' spazju f'din l-iskola waqt li skejjel oħra f'irħula f'Għawdex għandhom nuqqas kbir ta' studenti.
Kollox qed jindika li d-deċiżjoni li l-iskola tal-Vajringa tmur fil-mużew tas-subien ittieħdet lejn l-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet. Jidher li għal raġunijiet varji, kien hemm diversi ġenituri li lmentaw mill-post fejn kienet se tittieħed il-kindergarten, jiġifieri dak taċ-Ċentru Pastorali tar-Ragħaj it-Tajjeb.
Ta' min jgħid li l-awtoritajiet kienu qalu mill-ewwel li l-kindergarten fl-iskola tal-Vajringa se tiċċaqlaq għal perjodu temporanju lejn iċ-Ċentru Pastorali tar-Ragħaj it-Tajjeb f'Taċ-Ċawla. 
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo kien ikkonferma dan u sostna li dan mhux se jsir b'kapriċċ imma minħabba problema kbira ta' spazju li hemm bħalissa fl-istess skola. Huwa qal li s-sena li ġejja hemm bżonn minn tal-inqas tliet klassijiet oħra biex jakkomodaw lill-istudenti kollha tal-primarja tal-istess skola, mill-ewwel sas-sitt sena. 
Spjega li l-post f'Taċ-Ċawla ġie magħżul wara li ġew ikkunsidrati siti oħrajn fil-viċinanza tal-iskola. Il-post imsemmi jintuża bħala klassijiet tad-duttrina kif ukoll isir it-tagħlim tal-katekiżmu għal studenti aktar kbar u adoloxxenti u attivitajiet mal-komunità tar-Rabat. 
Il-Ministru Bartolo kien żied jgħid li diversi uffiċjali mid-Direttorat tal-Edukazzjoni żaru l-post u assiguraw li huwa post addattat biex jintuża mit-tfal tal-kindergarten. Se jsiru wkoll bosta xogħlijiet strutturali u titjib ta’ faċilitajiet biex il-post ikun attrezzat bl-aħjar mod għall-ġid tat-tfal u l-għalliema.
Filwaqt li rrimarka li l-unjin tal-għalliema l-MUT ġiet mgħarrfa b'dan iċ-ċaqliq, il-Ministru qal li uffiċjali mill-unjin għandhom ukoll iżuru dan il-post. B'rabta ma' dan kollu, saret ukoll laqgħa mal-ġenituri tat-tfal li se jintlaqtu, fejn il-Prinċipal tal-Kulleġġ u l-Kap tal-Iskola spjegawlhom għalfejn qed issir din iċ-ċaqliqa. Huma assiguraw lill-ġenituri li t-tfal se jkomplu jirċievu l-aqwa edukazzjoni possibbli u li kienu u se jibqgħu parti mill-Iskola Primarja tar-Rabat fi ħdan il-Kulleġġ t'Għawdex u xorta waħda jieħdu sehem fil-ħafna attivitajiet li torganizza l-iskola. 
Il-Ministru Bartolo kien qal dan meta kien qed iwieġeb interpellanza li saritlu mid-Deputat Chris Said.
minn l-orizzont

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home