Il-ħtif tal-Egypt Air fl-1985... 'Id-deċiżjoni li jidħlu commandos Eġizzjani kienet politika'
Hekk kif illejla l-Parlament beda jiddiskuti l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni, id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami f’intervent li għamel qal li Malta tibqa’ mniżżla fl-istorja bħala li kellna wieħed mill-akbar massakri f’dawk li huma ħtif tal-ajru, u dan bil-ħtif tal-ajruplan tal-Egypt Air fis-sena 1985. Beppe Fenech Adami qal li, "Kienet ittieħdet id-deċiżjoni, jien ngħid politika, li jitħallew jidħlu commandos Eġizzjani u dawn flok ħelsu l-ostaġġi, splodew l-ajruplani u mietu għadd kbir ta’ nies."Il-kelliem żied jgħid li, "Is-sigurta nazzjonali tista’ tkun vittma wkoll tal-korruzzjoni istituzzjonalizzata. Dan il-pajjiż għandu dan l-unur u dan il-primat - li għandna l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea kollha li hu maqbud f’kumpanija fil-Panama. Agħar minn hekk, aħna għandna l-Ministru Konrad Mizzi li nqabad b’kumpanija li għamilha u ħbieha meta kien diġa Ministru. Fin-naħa tal-Gvern hemm nies li qed jaraw il-ħsara li qed issir għax il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jibqa’ jiddefendi lill-ħabib tiegħu Konrad Mizzi. Din hi korruzzjoni li theżżeż l-istituzzjonijiet ta’pajjiż. Meta għandek korruzzjoni fl-ogħla livelli, kollox isir xejn mhu xejn f’livelli oħra. L-iskandlu ta’ Gaffarena hu skandlu żgħir ħdejn dak li hu nvolut fih Konrad Mizzi."
Enfasizza li, "Dak li sar f’Identity Malta jista’ jkun ta’ periklu għas-sigurtà tal-pajjiż. Mindu twaqqfet din ħarġet eluf kbar ta’ permessi ta’ residenza. Fis-sena 2015, ħarġu 14,000 permess ta’ residenza li huma d-doppju tas-sena ta’ qabel. Illum hu magħruf li f’Identity Malta hemm għanqbuta sħiħa ta’ korruzzjoni u spiċċaw tressqu nies il-Qorti. F’Identity Malta, spiċċajna bi stejjer ta’ persuna li llum hi akkużata li kienet tiffalsifika dokumenti u abbażi tagħhom kienu jinħarġu l-permessi ta’ residenza."
"Fil-pajjiż għal numru ta’ xhur u probabbilment għad hawn, kellna nies mingħajr qatt ma kellhom id-dritt li jkunu hawn. Irrid li l-poplu Malti nserrħulu rasu li sar eżerċizzju rigoruż biex jaraw li dawn l-14,000-il persuna li akkwistaw permess ta’ residenza. Fuq il-ħruġ tal-visas, sa ftit żmien ilu ma kellniex konsolat fl-Alġerija u mil-lejl għan-nhar kellna influss ta’ eluf ta’ Alġerini, li flok ġew Malta bħala turisti, dawn daħlu fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ Malta. Jien kont tlabt għal spjega ta’ x’qed jiġri f’dan il-konsolat. Li ġara kien li baxx baxx tneħħa l-konslu u tpoġġa ieħor. X’sens jagħmel li Alġerin li jrid imur l-Italja, il-Ġermanja u Franza l-ewwel jiġi Malta? Nippretendi li l-poplu Malti jingħata spjega li ma jinsulentawx l-intelliġenza tal-poplu."
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home