Wara l-proġett modern għal tankijiet tal-fjuwil……
"Aħna favur park
naturali f'Ħas-Saptan"
Wara li sar magħruf li għaddejjin negozjati biex fiż-żona ta' Ħas-Saptan ikun hemm park naturali li jkun jista' jitgawda mill-familji u dan hekk kif fil-post hemm pjani biex jerġgħu jintużaw it-tankijiet tal-fjuwil li hemm taħt l-art, is-sindku tal-Gudja, John Mary Calleja, meta kuntattjat minn L-ORIZZONT iddikjara bla tlaqlieq li "dan hu proġett modern u jien naqbel miegħu". Mistoqsi dwar in-negozjati għal park naturali fiż-żona hu qalilna li "naqbel li l-post ikun irranġat. Mhux minnu xejn li se jintilfu xi siġar. Għal kull siġra li se tinqala' se jitħawwlu mhux tlieta kif hu stabbilit bħalissa, imma għaxar siġriet. Naqbel li jkun hemm park fiż-żona".
Jidher li hemm residenti fil-Gudja li qed jaqblu ukoll li jkun hemm park naturali fiż-żona, għalkemm hemm xi tħassib minħabba li fiż-żona hemm il-kamra tan-nar tal-La Stella.
F'kummenti lil L-ORIZZONT, is-Sindku tal-Gudja John Mary Calleja qalilna li "jien irrid naqbeż għar-residenti. Dan hu proġett modern. It-tankijiet ilhom f'Ħas-Saptan sa mill-1954 hawn."
Hu qalilna li "ilqajt talba b'urġenza tal-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista u ġew l-esperti. Dawn spjegaw il-proġett". Finalment il-kunsill b'votazzjoni li saret, iddeċieda li joġġezzjona għall-proġett. Is-sindku ivvota favur il-proġett.
Ta' min jgħid li s-Sindku ta' Ħal Għaxaq, Darren Abela kien qal lil L-ORIZZONT li "qed niddiskutu biex iż-żona tibqa' użata minn nies. Irridu li ż-żona tissebbaħ u tiġi rranġata u fi tmiem il-ġimgħa il-post ikun jista' jitgawda bħala park naturali mill-familji Maltin." Saħaq li l-kunsill qed jara l-proġett bħala wieħed pożittiv, b'mod partikolari meta ra l-informazzjoni u d-disinji provduti.
Mill-informazzjoni provduta dwar dan il-proġett propost lill-MEPA, li nhar l-Erbgħa jagħlaq iż-żmien li fih jistgħu jsiru oġġezzjonijiet, jingħad li fil-post se jsir stazzjon tal-fjuwil biex jissupplixxi lit-trakkijiet li jġorru l-fjuwil. Fil-post hemm 14-il tank tal-fjuwil, li jesgħu 100 metru kubu. L-istazzjon se jkun jikkonsisti f'sitt karreġġjati bi tlett magni f'kull karreġġjata. Mill-istess informazzjoni provduta jingħad li mhux mistenni jkun hemm impatt fuq ir-residenti għax l-eqreb residenzi huma madwar kilometru bogħod.
Il-proġett, li hu propost li jsir f'art li hi barra ż-żona ta' żvilupp, għandu riskji marbutin mal-ilma ta' taħt l-art minħabba li dan l-iżvilupp jinsab qrib il-borehole ta' Ħas-Saptan u qrib il-wied. Ir-riskji ġew klassifikati bħala li huma baxxi, waqt li jissemmew miżuri li se jittieħdu biex jilqgħu għal dawn ir-riskji.
minn l-orizzont
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home