Tuesday, April 12, 2016

Daqshekk ħlas dirett lill-immigranti…reġistrazzjoni fil-Marsa u f'Ħal Far

Waqt li l-persuni li jkunu qed jistennew għax-xogħol fir-rawndebawt tal-Marsa u f'Ħal Far ġew deskritti mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo bħala 's-suq tal-ilsiera', lbieraħ tnieda dokument li hu għall-konsultazzjoni pubblika u dan fih proposti dwar kif se jinqata' dan l-abbuż fuq dawn l-immigranti.  inewsmalta.com staqsa x'se jkollu jagħmel persuna bi protezzjoni sussidjarja li llum qed jgħix fil-komunità bħall-Ħamrun jew l-Imsida u li għandu xogħol mhux  reġistrat, biċ-Ċermen tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) jgħidilna li biex dan ikun jista' jaħdem b'mod legali irid imur jirrapporta fl-uffiċċju tal-Marsa.  Meta ġbidna l-attenzjoni li hemm immigranti li jgħixu ferm 'l bogħod mill-Marsa bħal San Pawl il-Baħar u li jaħdmu fl-istess żona, hu qalilna li dawn se jkollhom imorru l-Marsa jirreġistraw għalkemm irrimarka li mhux eskluż li jinfetħu uffiċini f'postijiet oħrajn.  Il-Ministru Bartolo enfasizza li t-tkabbir fl-ekonomija Maltija ma kienx ikun possibbli jintlaħaq li kieku m'hawnx il-ħaddiema barranin. inewsmalta.com qajjem din il-mistoqsija minħabba li f'inħawi fin-naħa ta' fuq ta' Malta hemm għadd ta' persuni bi protezzjoni sussidjarja li qed jgħixu fil-komunità u jaħdmu ukoll fl-istess żoni u għalhekk vjaġġ lejn il-Marsa żgur se jitqies bħala xkiel u skariġġ żejjed. Ġie speċifikat miċ-Ċermen tal-ETC, Clyde Caruana li f'każ ta' influss kbir ta' immigranti fil-pajjiż, l-uffiċini fil-Marsa u f'Ħal Far jitwaqqfu.
Fid-dokument ta' konsultazzjoni intqal li l-ħsieb hu li jitwaqqfu żewġ 'brokerage offices' f'Ħal Far u fil-Marsa.  Dawn se jitwaqqfu bi sħab mas-settur privat.  Dawk interessati li jieħdu servizzi mingħand immigranti għal ċertu xogħol iridu jmorru f'dawn l-uffiċini.  Minn hemm dawn ikunu jistgħu jieħdu vawċers u dawn imbagħad jingħataw lill-immigranti li jkunu ħadmu għal dak ix-xogħol partikolari.
Il-'brokerage offices' se jkunu responsabbli għar-reġistrazzjoni ta' dawk interessati li jaħdmu.
Fid-dokument ta' konsultazzjoni pubblika ġie stabbilita li għal xogħol individwali  ta' ċertu sigħat, ħaddiem m'għandux jitħallas inqas minn €6 s-siegħa. Għal bejn 10 u 20 siegħa, il-ħlas għandu jkun ta' €5.75 fis-siegħa u għal bejn 21 u 40 siegħa, l-ħlas irid ikun ta' mhux anqas minn €5.50 fis-siegħa.
Minn naħa tiegħu iċ-Ċermen Clyde Caruana spjega kif hawn fenomenu f'pajjiżna fejn qed jiġu migranti minn Napli biex jaħdmu fis-settur agrikoli għal żminijiet partikolari. Hu spjega ukoll kif f'inċident li seħħ f'post partikolari kien hemm ħaddiem  li weġġa u dan ġie trattat minn immigrant li hu tabib iżda dan kien qed jaħdem f'xogħol totalment differenti.
Is-sottomissjonijiet għal dan id-dokument jintlaqgħu sa nhar il-Ħamis 19 ta' Mejju.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home