Se tittella' d-dgħajsa b'immigranti mejtin u se jsirulhom testijiet forensiċi
Hekk kif kważi għaddiet sena minn dik li titqies bħala waħda mill-akbar traġedji ta' għarqiet ta' immigranti fil-Mediterran, il-qawwa navali Taljana tinsab għaddejja bi preparamenti biex ittella' d-dgħajsa mgħarrqa u li fiha hu maħsub li hemm maqbudin mijiet ta' immigranti. Ftit sigħat wara li kienet seħħet din it-traġedja, 24 katavru ta' immigranti li nstabu kienu inġabu Malta u ndifnu hawn. Il-Gvern Taljan għadu kif ħabbar li fuq dawn il-katavri li se jittellgħu se jsiru testijiet forensiċi. F'dik it-traġedja hu maħsub li kienu mietu madwar 850 persuna. Id-dgħajsa tinsab f'fond ta' madwar 380 metru u b'kollox ġew irkuprati 169 katavru. F'Mejju mistennija ssir l-operazzjoni biex id-dgħajsa tittella' minn qiegħ il-baħar.Ta' min jgħid li fl-Italja kien għaddej proġett u dan se jitkompla biex tinġabar l-informazzjoni u DNA ta' dawk li mietu mgħarrqin u dan biex ikun ta' għajnuna għal dawk li jkunu qed ifittxu jekk qraba tagħhom tilfux ħajjithom f'din it-traġedja. F'dan il-proġett hemm involuti diversi universitajiet fosthom dik ta' Milan, Katanja, Messina u Palermo.
Dik it-traġedja kienet seħħet waqt li bastiment Portugiż King Jacob kien resaq qrib id-dgħajsa biex jagħmel is-salvataġġ. Għal raġunijiet li għadhom mhux stabbiliti seħħet ħabta bejn il-bastiment u d-dgħajsa bil-konsegwenza li l-persuni abbord inqalbu fuq ġenb u d-dgħajsa għelbet.
Ftit wara minn fost dawk salvati kien ġie arrestat Mohammed Ali Malek ta' nazzjonalità Tuneżina. Hu kien wieħed mit-28 persuna salvati u kien indikat bħala il-kaptan tad-dgħajsa. Hu flimkien ma' Mahmoud Bikhit, Sirjan, qed ikunu akkużati bl-għarqa u bi traffikar ta' persuni.
Il-ġuri ta' Mohammed Ali Malek, se jitkompla fis-17 ta' Mejju. L-avukat ta' Malek, Massimo Ferrante, fl-aħħar iddikjara li "Malek kien biss immigrant bħall-oħrajn fuq id-dgħajsa. Hemm traffikanti u traffikanti". Enfasizza li Malek ma kienx 'il-ħuta l-kbira' kif qed jaħsbu l-investigaturi. Hu jispjega li ħafna drabi jkun hemm migranti li jingħataw l-inkarigu li jkunu huma li jmexxu d-dgħajsa. Dawn anke jingħataw telefon bis-satellita, boxxla.
Ta' min jgħid li fl-ewwel okkażjoni wara li seħħet din it-traġedja, il-Parlament Malti kien beda s-seduta ta' dakinhar b'minuta silenzju għall-vittmi ta' waħda mill-akbar traġedji fil-Mediterran.
Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home