Tħassib fis-Siġġiewi….
Fabbrika tal-inbid…..
…b'kobor doppju u b'żewġ sulari f'nofs il-kampanja
L-inħawi ta' Bur il-Kbir fis-Siġġiewi li jiġi taħt is-Salib tal-Għolja qabel taqbad it-telgħa tal-Girgenti, hu wieħed mill-postijiet pittoreski ta' pajjiżna. Post imfittex għall-mixjiet u għal min irid igawdi l-kampanja. Fl-aħħar jiem imma qam tħassib fost għadd ta' persuni fis-Siġġiewi u oħrajn li jmorru jgawdu dan il-post dwar applikazzjoni biex f'nofs żona agrikola titla' binja ta' żewġ sulari li se sservi ta' fabbrika għall-inbid. Il-proposta ta' żvilupp qed titlob li l-binja tkun ta' kobor ta' xejn inqas minn 900 metru kwadru. Jidher li dwar din il-binja proposta diġa saru oġġezzjonijiet mal-MEPA.
"Jien ma nistax nifhem kif fir-regolamenti tal-MEPA dwar fabbriki tal-inbid hemm regoli ċari u li jgħidulek li fabbrika simili ma tistax tkun akbar minn 200 metru kwadru. Issa hawnhekk, f'nofs l-għelieqi u f'żona mill-isbaħ iridu jagħmlu fabbrika tal-inbid b'kantina ta' 900 metru kwadru u binja ta' 2 sulari. Għalija dan hu żvilupp inaċċettabbli", qalilna resident mis-Siġġiewi li spjegalna li l-kwistjoni tqajmet ma' membri tal-Kunsill Lokali.
Minn stħarriġ li għamel L-ORIZZONT jirriżulta li snin ilu kien hemm applikazzjoni għal fabbrika tal-inbid fl-istess żona fejn din kienet qed tipproponi li l-parti ta' taħt l-art tkun ta' kobor ta' 400 metru kwadru. Bl-applikazzjoni l-ġdida din il-parti taħt l-art qed tintalab li tikber b'aktar mid-doppju għal 900 metru kwadru.
Sorsi li tkellmu ma' L-ORIZZONT qalulna li "r-regolamenti tal-MEPA qed jitkellmu ċar u tond li fabbrika tal-inbid ma tistax tkun akbar minn 200 metru kwadru f'dak li hu bini fuq l-art. Issa din l-applikazzjoni qed tipproponi kantina ta' kobor enormi u dan għax ir-regolamenti tal-MEPA ma jagħmlux restrizzjonijiet fuq il-kobor tal-kantina. Nemmen li l-kantina għandha tkun tal-istess kobor permess 'l fuq mill-art" qalilna l-istess sors.
Intant il-kunsill lokali tas-Siġġiewi bagħat ir-rappreżentazzjoni tiegħu lill-MEPA, anke wara ilmenti li rċieva. Intqal li "kull applikazzjoni ta' żvilupp fil-konfini tas-Siġġiewi li titressaq quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar tkun eżaminata fid-dawl ta' politika eżistenti kif ukoll deċiżjonijiet passati applikabbli għal żviluppi ta' natura simili, irrispettivament jekk hux fi stadju ta' Kummissjoni, rikonsiderazzjoni, appelli jew natura oħra u liema deċiżjonijiet ikunu ttieħdu bejn is-sin 1993 - 2001 u mhux neċessarjament fl-istess konfini. Għaldaqstant il-kunsill iħeġġeġ li tingħata spjegazzjoni mill-Awtorità kull meta deċiżjonijiet passati ma jiġux rikonoxxuti. Dan ma japplikax jekk il-politika jew liġijiet konnessi ikunu ġew mibudlin matul il-perjodu stipulat. Il-Kunsill jirriserva d-dritt li jappella għal kull deċiżjoni finali. Dan għandu jiggarantixxi trasparenza, konsistenza u ġustizzja soċjali fil-konfront taċ-ċittadini fil-proċess wiesa' ta' l-ippjanar, l-interessi tal-kunsill tal-poplu, il-ħarsien mill-periklu tas-saħħa u ħarsien ta' l-ambjent."
minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home