Thursday, April 14, 2016


.

'Inuman li titfa' xi ħadd l-ħabs għal għomru bla prospett li joħroġ' - Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura



Il-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura sejjaħ lil għadd ta' Stati membri biex jirrevedu il-proċeduri tagħhom dwar sentenzi ta' għomor il-ħabs li jingħataw priġunieri. Fost il-pajjiżi msemmijin li għandhom jirrevedu hemm ukoll Malta, peress li hawnhekk għomor il-ħabs ifisser li priġunier ma joħroġx mill-ħabs, bil-kumitat isejjaħ biex dan jinbidel u min jingħataw għomor il-ħabs ikollu l-possibilità li jinħareġ u jintegra fis-soċjetà.  Il-kumitat għamel din is-sejħa fir-rapport annwali tiegħu.
Il-President tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura, Mykola Gnatovskyy  qal li "hu inuman li titfa' persuna l-ħabs għal ħajjitha mingħajr ma din għandha prospetti li terġa' toħroġ.  Dan ma jfissirx li kull priġunier  għandu jinħareġ f'xi stadju jew ieħor, imma pjani individwali huma essenzjali biex jevalvaw fuq il-bażi ta' kas b'kas, dwar jekk u meta dak il-priġunier jista' jirritorna lura fis-soċjetà".
Hu kompla jgħid li "nafu mill-esperjenza li priġunieri b'sentenza ta' għomor il-ħabs mhux neċessarjament aktar perikolużi minn priġunieri oħra."
Ir-rapport jgħid li l-parti l-kbira tal-pajjiżi li jimponu sentenza ta' għomor il-ħabs,  jirrikjedu li jkun hemm minimu ta' bejn 20 u 30 sena fejn priġunier ma jkunx jista' jikkwalifika li joħroġ.  Hemm pajjiżi oħra fosthom il-Bulgarija, il-Litwanja, Malta u l-Olanda, fejn dawn m'għandhomx sistema fejn priġunier b'għomor il-ħabs ikun jista' joħroġ b'kundizzjoni. Dan qed iwassal biex xi priġunieri ma jkunux jistgħu joħorġu mill-ħabs jekk mhux b'xi maħfra.
Il-kumitat ħeġġeġ lil dawn l-Istati biex itejbu is-sistemi tagħhom u rrimarkat ukoll li proċedura sistematika li l-priġunieri jinqalflulhom idejhom u li jsirulhom 'strip searching' fil-ħabs huma inaċċettabbli.
Ir-rapport jgħid li dawn l-Istati għandhom jaraw li dawk li jingħataw sentenza ta' għomor il-ħabs, ikunu offruti l-possibilità li jinħarġu fil-komunità  b'liċenzja.
Ritratt: Ian Noel Pace
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home