Il-CABS…kollox kwiet f'Malta fejn tidħol kaċċa
Hekk kif nhar il-Ħadd 17 ta' April se jerġa' jiftaħ l-istaġun għall-kaċċa tal-gamiem u s-summien, il-Committee Against Bird Slaughter (CABS) f'messaġġ li ħareġ iddeskriva s-sitwazzjoni dwar kaċċa illegali f'Mala bħala "kwieta ħafna".Il-CABS xandar filmat li kien juri Bulebbiet ifittex l-ikel fi trejqa Maltija fil-jiem li għaddew. Jidher li qed jiġi nnutat minn persuni li jsegwu l-passa fir-rebbiegħa li ċerti speċi qed ikun hemm żieda fil-passa tagħhom lejn Malta u anke qed ibejtu fosthom ir-Rundun.
Il-filmat mxandar minn CABS intlaqa' b'mod pożittiv minn kaċċaturi f'pajjiżna li meta kkuntattjawna qalulna li "waqt li l-CABS huma lesti li jgħaddu messaġġ pożittiv meta jaraw b'għajnejhom li l-kaċċa illegali naqset, mhux l-istess jista' jingħad għal Birdlife Malta li baqgħet għaddejja b'messaġġi negattivi kontra l-kaċċa".
L-istess kaċċaturi qalulna li "hu fatt stabbilit li l-kaċċa illegali naqset u għal dan għandha mertu l-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti".
Intant jispikkaw kummenti ta' persuni li bħal dan iż-żmien ikunu qed isegwu l-passa tar-rebbiegħa. Kumment partikolari kien jgħid li "fl-aħħar jiem żdiedu l-ammont ta' Rundun li qed naraw. Dan l-għasfur beda jbejjet b'diversi postijiet f'Malta tul dawn l-aħħar snin speċjalment meta naqas il-fastidju fuqu. Filfatt wieħed jinnota li n-numru ta' postijiet fejn qed ibid kull sena qed jiżdiedu. F'xi postijiet li kienu biedu fihom fil-passat, jidher li diġa hemm numru ta' għasafar li qed jaħsbu biex jibnu l-bejta tagħhom. Jekk dan l-atteġġjament lejn dawn l-ispeċi ta' l-għasafar ikompli, inkunu nistgħu nkomplu narawh jinfirex fil-gżejjer Maltin. Dan grazzi għalikom li ma ttuhx fastidju. Importanti li nibqgħu sejrin f'din id-direzzjoni".
Ta' min jgħid li l-kaċċaturi qed jiġu infurmati li l-ktejjeb li qed jirċievu mal-liċenzja ġenerali jrid ikun ittimbrat mil-FKNK. Din hija importanti biex ikun validu. Din il-liċenzja flimkien mal-ktejjeb ta' rappurtaġġ iridu jinġarru mill-kaċċaturi waqt il-ħin tal-kaċċa biex l-istruzzjonijiet dettaljati li hemm fuqhom jiġu segwiti. Il-kaċċaturi iridu jġorru magħhom ukoll il-liċenzja tal-Pulizija, l-assigurazzjoni u sħubija tal-ghaqda. Fil-kas tal-kaċċa fir-rebbiegħa trid tinġarr ukoll il-liċenzja speċjali wkoll.
Irid jingħad li l-istaġun ser jiftaħ għal ġimagħtejn biss mis-17 ta’ April sat-30 ta’ April, tnaqqis ta’ ġimgħa mill-massimu ta’ tliet ġimgħat li jippermetti l-Qafas Regolatorju. Il-ħinijiet li fihom ser tkun permessibbli l-kaċċa tnaqqsu għal sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar fi kwalunkwe ġurnata tal-istaġun, tnaqqis ta’ sagħtejn għal kull ġurnata fost il-ġimgħa.
Il-kwota nazzjonali tnaqqset minn massimu ta’ 11,000 gamiema għal 5,000 gamiema. Il-kwota ta’ 5,000 summiena, kif ukoll il-kwota individwali ta’ żewġ għasafar f’ġurnata u ta’ erba' matul l-istaġun baqgħu l-istess. L-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema fil-ħarifa ser jitnaqqas ukoll, minn ħames xhur għax-xahar ta’ Settembru biss (l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema fil-ħarifa kien mill-ewwel ta’ Settembru sal-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara). L-istaġun tal-kaċċa tal-gamiema f’Settembru se jkun suġġett għal kwota nazzjonali ta’ 7,000 gamiema.
Is-Segretarjat Parlamentari kien qal li l-istaġun limitat tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiema u s-summiena ser ikun suġġett għal infurzar strett u kwalunkwe ksur tal-liġi, regoli u kundizzjonijiet oħra applikabbli mhux ser jiġu tollerati.
minn l-orizzont
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home