Saturday, April 16, 2016

L-iffirmar tal-ftehim 'storiku' Pawlist se jsir għada filgħodu

Dak li seħħ f'Raħal Ġdid, fejn wara snin twal ta' firda bejn iż-żewġ każini Pawlisti issa ntlaħaq ftehim bejn dawk kollha involuti, qed jitqies mid-dilettanti tal-festi u l-baned bħala 'ftehim storiku' – ftehim li mistenni jiġi ffirmat għada filgħodu. Fi kliem uffiċjal ta' għaqda mużikali, “Dak li seħħ hu storiku, u għandu juri li din hi t-triq 'il quddiem li għandha tiġi adottata fi kwistjonijiet li jinqalgħu fil-parroċċi dwar festi u baned.”
Il-ftehim jikkonsisti f'illi l-Għaqda Soċjali Kristu Sultan tkun rikonoxxuta bħala għaqda mużikali, u li l-istatwa ta' Kristu Re proprjetà tal-Każin tal-Banda De Paule ssir l-istatwa titulari.
L-uffiċjal li tkellem magħna, u li ma xtaqx li jkun identifikat, qalilna li, “Spiss jiġri li meta tinqala' kwistjoni, nibdew nisimgħu b'bojkotts lejn il-parroċċa u azzjonijiet simili. Dak li sar f'Raħal Ġdid uriena li l-għaqdiet, dejjem jekk ikun hemm min imexxihom fid-direzzjoni t-tajba, kapaċi jaslu għal ftehim. Li ma jridux l-għaqdiet hu impożizzjonijiet, għax b'hekk diffiċli biex jintlaħaq ftehim. Naf li apparti l-għaqdiet f'dan il-ftehim kellu mertu kbir il-Kappillan Dun Marc Andre Camilleri.”
Intant l-Eżekuttiv tal-Għaqda Każini tal-Baned innota b'sodisfazzjon il-ftehim milħuq bejn il-Kurja u l-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan, Banda Paola, biex din il-banda ngħatat rikonoxximent uffiċjali u b'hekk tkun parteċipi uffiċjali fil-festa tal-parroċċa.
L-għaqda nnotat ukoll b'sodisfazzjon li ġiet aċċettat l-istatwa ta' Kristu Re li kellha s-Soċjetà Filarmonika de Paule bħala dik titulari tal-parroċċa.
L-għaqda qalet li, “Dan il-ftehim juri li bil-perseveranza, bla tilwim żejjed imma bi djalogu sinċier, il-partijiet waslu għal qbil onorabbli li jagħmel ġieħ u jwassal għal aktar għaqda bejn il-Pawlisti. Dan l-eżempju jiftaħ paġna ġdida fir-relazzjonijiet fejn għad hemm diżgwid u, kif għamlet fil-każ ta' Raħal Ġdid, l-Għaqda Każini tal-Baned tkun dejjem lesta biex bl-għajnuna u l-pariri tagħha twassal lill-partijiet għal ftehim li jagħmlilhom unur.”
Sadanittant, il-Pawlisti mistennija jkunu bi ħġarhom fil-knisja ta' Kristu Re għall-quddiesa tad-9.30 għada filgħodu. Din se tkun immexxija mid-Delegat tal-Arċisqof, Mons. Frans Abdilla. Wara se jsir l-iffirmar tal-ftehim.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home