L-investigazzjoni fuq Parlamentari
titmexxa bil-magħluq….tkun konkluża f'sitt xhur
Hekk kif fil-Parlament kompliet għaddejja id-diskussjoni dwar l-abbozz ta' liġi għal Standards fil-Ħajja Pubblika, qed jirriżulta li l-investigazzjonijiet li se jkunu qed jitmexxew mill-Kummissarju li se jinħatar, se jkunu kollha bil-magħluq. L-istess Kummissarju, li se jkollu poteri ta' Mħallef, hu marbut li jlesti l-investigazzjoni f'sitt xhur.
Intant ma' dan l-abbozz ta' liġi hemm kodiċi ta' etika għall-Ministri u Segretarji Parlamentari, liema kodiċi ta' etika fost oħrajn jgħidu li Ministru malli jinħatar m'għandux ikompli bix-xogħol privat tiegħu, u ma jistax jagħti konsulenzi jew jattendi f'uffiċċji jew kliniċi biex jingħataw parir profesjsonali, anki jekk dawn jingħataw bla ħlas.
Dan il-kodiċi jgħid li l-Ministri m’għandhomx jitolbu lill-membri tas-servizz pubbliku biex jattendu jew jieħdu sehem f’konferenzi ta’ partiti politiċi. Madankollu, hemm attivitajiet organizzati mill-partiti li l-kontenut tagħhom jista’ jgħin lill-membri tas-servizz pubbliku biex jaqdu dmirijiethom aħjar u kif ukoll biex iwasslu aħjar il-policies tad-dipartiment tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Ministru jista’ jippermetti l-membri tas-servizz pubbliku jattendu sakemm jiżgura li r-rwol tagħhom ikun ’il fuq mill-politika partiġġjana.
Ministri għandhom jevitaw
li jimpjegaw qraba fis-segretarjat
Il-Ministru jista’ jkollu segretarjat privat kompost skont istruzzjonijiet li minn żmien għal żmien jinħarġu mill-Prim Ministru. Il-Ministri għandhom jiżguraw li kemm jista’ jkun jiġu maħtura persuni li huma membri permanenti tas-servizz pubbliku. Iżda, bil-permess tal-Prim Ministru, il-Ministru jkun jista’ jingaġġa persuni minn barra s-servizz pubbliku b’kuntratt definit. Il-Ministri għandhom jevitaw li jappuntaw qraba fis-segretarjati privati tagħhom.
Fir-rigward tal-Kostitwenza waqt li hu rikonoxxut li fis-sitwazzjoni lokali hi diffiċli li tiddistingwi b’mod prattiku u skjett il-ħidma ta’ Ministru bħala tali mill-ħidma tiegħu bħala membru parlamentari li jirrappreżenta distrett elettorali partikolari u l-votanti tiegħu, il-Ministru huwa fl-obbligu li jaċċerta ruħu li r-riżorsi u l-faċilitajiet tal-Gvern ma jintużawx minnu b’mod indebitu u mhux raġonevoli meta jkun qed jaġixxi bħala Membru tal-Parlament.
Meta Ministru jrid jieħu deċiżjonijiet (f’xi dipartiment li jaqa’ taħtu) li jista' jkollhom impatt kbir fuq il-kostitwenza tiegħu, hu għandu jieħu kull prekawzjoni biex jevita kull possibbiltà ta’ konflitt ta’ interess.
"M'għandux isir safar mhux fuq
xogħol meta jiltaqa' l-Parlament"
Dwar safar barra l-pajjiż jingħad li 'kull Ministru li għandu bżonn iħalli l-pajjiż għal xi raġuni għandu bżonn l-approvazzjoni tal-Prim Ministru. L-ittra lill-Prim Ministru għandha tinkludi r-raġunijiet għaż-żjara u l-lista ta’ pajjiżi li jkun se jżur il-Ministru. F’każ ta' żjarat uffiċjali għandu jingħata wkoll in-numru ta’ uffiċjali inklużi fid-delegazzjoni, ir-raġunijiet għaliex ġew inklużi u l-ispiża prevista. Il-Ministri huma mistennija jibagħtu rapport lill-Prim Ministru meta jaslu lura minn żjara uffiċjali. F’ċirkustanzi normali m’għandux isir safar mhux konness max-xogħol tal-Gvern barra l-pajjiż meta jkun qed jiltaqa’ l-Parlament. Meta l-Parlament ikun wieqaf għandu jkun hemm biżżejjed Ministri biex ix-xogħol tal-Gvern jibqa’ għaddej. Għal din ir-raġuni l-Ministri għandhom javżaw lis-Segretarju tal-Kabinett kull meta jkunu sejrin isiefru.
Il-Ministri għandhom jirreferu kull offerta ta’ unuri barranin lill-Prim Ministru, qabel ma jaċċettaw. Ministri għandhom dritt iżommu rigali li jirċievu jekk dawn ikunu mementos tal-okkażjoni jew ma jkunux ta’ xi valur sostanzjali. F’każ ta’ dubju għandu jiġi kkonsultat il-Prim Ministru u hi responsabbiltà tal-Ministru li jiżgura li jimxi bl-iktar mod għaqli u integru.
Dwar interessi privati, jintqal li "l-Ministri għandhom jiftakru li mal-ħatra tagħhom tista’ tinħoloq sitwazzjoni fejn l-interessi privati tagħhom jikkonfliġġu jew jidhru li jikkonfliġġu mal-eżerċizzju tal-poteri ministerjali tagħhom. Sabiex tiġi protetta l-integrità personali tal-Ministru u dik kollettiva tal-Gvern, kull Ministru hu fl-obbligu li jevita kull konflitt ta’ interess, reali jew potenzjali, bejn l-interessi privati tiegħu u l-obbligi pubbliċi tiegħu. Malli jinħatar, Ministru hu mistenni li ma jkomplix bix-xogħol privat tiegħu u għandu jiddedika l-ħin kollu tiegħu għal xogħol tal-Gvern. Din il-projbizzjoni tkopri wkoll konsulenzi, attendenzi f’uffiċċji/kliniċi biex jingħataw pariri professjonali, ukoll jekk dan isir mingħajr ħlas. Malli jinħatar, Ministru għandu jirriżenja minn kull kariga pubblika oħra kif ukoll minn kull kariga ta’ direttur jew kariga oħra simili kemm jekk f’azjenda pubblika kif ukoll jekk f’azjenda privata jew assoċjazzjoni volontarja. L-uniċi eċċezzjonijiet huma l-każi ta’ ħatriet onorarji jew ħatriet f’għaqdiet filantropiċi sakemm ma jkunx hemm konflitt ta’ interess u f’dawn il-każi iżda għandha tinkiseb lapprovazzjoni tal-Prim Ministru."
Jintqal li "Ministru li qabel il-ħatra tiegħu jkun jaħdem għal rasu, jeżerċita professjoni jew ikun fin-negozju, kemm jekk personalment u kemm jekk permezz ta’ forma legali oħra, kemm jekk waħdu, u kemm jekk le, mhuwiex obbligat jiddisponi mill-interess jew sehem tiegħu iżda jrid jagħmel immedjatament l-arranġamenti neċessarji sabiex jassigura li jinqata’ mit-tmexxija u management tal-uffiċċju, sengħa jew negozju u ma jibqax jieħu sehem mill-ħlas jew profitti ta’ xogħol li jsir wara li jkun ġie maħtur Ministru, għajr għal somma fissa kull sena kkunsidrata bħala dħul fuq l-investiment li jkun għamel fl-avvjament."
Jintqal ukoll li "Ministri għandhom joqogħdu attenti sabiex jassiguraw li bil-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet ta’ ġbir ta’ flus, huma ma jpoġġux lilhom infushom, jew jagħtu l-impressjoni li qed ipoġġu lilhom infushom, taħt xi obbligu bħala Ministri lejn dawk li lilhom ikun qed isir l-appell (u għal din ir-raġuni huma normalment m’għandhomx personalment javviċinaw persuni jew kumpanniji għal dan l-iskop). F’każ ta' dubju, il-Prim Ministru għandu jiġi kkonsultat qabel ma Ministru jaċċetta li jinvolvi ruħu ma’ dawn lorganizzazzjonijiet. Il-Ministri għandhom joqogħdu attenti wkoll f’appoġġ pubbliku li jagħtu lil petizzjonijiet u ittri miftuħa. L-ebda Ministru m’għandu jaċċetta rigali jew servizzi li l-entità tagħhom tkun tali li jistgħu jpoġġuh f’obbligazzjoni, kemm jekk din tkun reali kif ukoll jekk tidher li tista’ tkun. L-istess regola tapplika għall-mara jew raġel tal-Ministru u għall-ulied minuri tiegħu. L-istess regoli li japplikaw għal rigali mingħand rappreżentanti ta’ Gvernijiet oħra japplikaw f’dawn il-każi wkoll.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home