Tkompli l-kampanja favur pazjenti li kellhom il-Kartuna Roża
Id-Deputat Laburista Silvio Parnis kompla għaddej bil-kampanja favur pazjenti li kellhom il-Kartuna r-Roża iżda mbagħad, b'deċiżjoni tal-Gvern preċedenti, dawn ġew affettwati b'mod negattiv bil-konsegwenza li tilfu għadd ta' benefiċċji. Fil-Parlament Parnis staqsa kemm kien hemm persuni li qalbulhom il-pilloli mill-kartuna r-roża għall-kartuna s-safra meta kellhom il-kartuna r-roża permezz tal-SLH 145 għax kienu dijabetiċi sas-sena 2012, u x’rimedju se jieħu l-gvern għal dawk il-persuni li qed jilmentaw li nqalbet il-mediċina li kienu jieħdu fuq il-kartuna r-roża għas-safra mingħajr il-kunsenes tal-pazjent. Il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne wieġeb li, “F’Marzu tal-2012 permezz tad-DPA Memo 01/2012, il-gvern preċedenti kien ħareġ regoli ġodda dwar il-pazjenti li jbatu mid-dijabete. Skont dawn ir-regoli mfassla mill-gvern preċedenti, kull pazjent b'dijanjosi ġdida tad-dijabete wara s-27 ta’ Marzu 2012 kien intitolat biss ghall-kartuna s-safra. Pazjenti b'dijanjosi tad-dijabete qabel Marzu tas-sena 2012 setgħu jew iżommu l-kartuna r-roża jew jaqilbu fuq il-kartuna s-safra. Però dawn l-istess regoli tas-sena 2012 kienu jgħidu illi pazjenti li jagħżlu li jibqgħu fuq il-kartuna r-roża ma jkollhmx dritt jieħdu mediċini ġodda tad-dijabete, insulina, kif ukoll glucose meter u sticks.
Id-Dipartiment tas-Saħħa flimkien mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qegħdin jirrevedu dawn ir-regolamenti biex dawk il-pazjenti li tilfu xi benefiċċji minħabba l-memo maħruġa fi żmien gvern Nazzjonalista jerġa' jkollhom aċċess għal dawn il-benefiċċji." F'kummenti li kien għaddielna ftit jiem ilu, id-Deputat Laburista Silvio Parnis kien qalilna li, “Bdejt din il-kampanja fuq il-Kartuna r-Roża. Bdejtha fil-Parlament u se nibqa' niġġieled sakemm dan id-dritt tal-pazjent inġibuh lura. Dan hu dritt li qed jinsteraq lill-pazjent. Nemmen li sakemm dan id-dritt hu hemm, dan għandu jgawdi minnu l-pazjent. Qed nitlob xi ħaġa sempliċi. Li min kellu Kartuna Roża sa qabel is-sena 2012, tintbagħtilhom ċirkolari biex huma jiddeċiedu jekk iridu jinqalbu fuq il-Kartuna s-Safra. Il-fatt li qed imorru l-isptar u jsibu li nqalbu minn fuq il-Kartuna r-Roża għal fuq il-Kartuna s-Safra ifisser li qed jitilfu diversi benefiċċji fosthom fuq it-telefown."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home