Friday, October 14, 2016

41 sena mit-traġedja tal-Vulcan f'Ħaż-Żabbar ... Bir-ritratt ma' faċċata ta' dar biex turihom x'kien ġara f'Ħaż-Żabbar
Wieħed u erbgħin sena ilu, seħħet it-traġedja tal-waqgħa tal-ajruplan tat-tip Vulcan fuq Ħaż-Żabbar. Traġedja li kienet ixxukkjat liż-Żabbarin. Illum, qed jintefa' dawl ġdid fuq kif iż-Żabbarin fl-Istati Uniti irċevew l-ewwel aħbarijiet. Ma kinitx faċli f'dawk iż-żminijiet li wieħed jara x'kien qed jiġri f'Malta. Waħda minn dawk li infurmat lil uliedha b'dak li kien ġara kienet Marija Buhagiar magħrufa bħala 'Tal-Ħawli'. Marija, biex turi lil uliedha x'kien ġara f'Ħaż-Żabbar qabet fotografu jiġbdiha ritratt mal-faċċata.
B'hekk setgħu jkunu ċerti li ommhom kienet qawwija u sħiħa u setgħu jaraw ukoll l-effett tad-dħaħen fuq dik il-faċċata. Marija Buhagiar kellha tlett uliedha msefrin l-Istati Uniti. Michael Buhagiar, wieħed minn neputijiet tagħha meta kuntattjat minn inewsmalta.com qalilna li "kienu semgħu bl-aħbar hemmhekk u missieri li kien hemm ċempel lill-Kamra tal-Aħbarijiet tal-istazzjon tar-radju ta hemm biex isir jaf izjed.
L-aħbar kienet ħarġet li l-ajruplan waqa' fuq il-belt Valletta imma missieri talab li jiċċekkjawlu eżatt u min kellmu kien spellilu l-isem Żabbar. Missieri ħa qata' kbira u immedjatament ċempel liz-ziju li kien joqgħod fl-istess triq u dan aċċertah li n-nanna ma kien gralha xejn." Michael Buhagiar ikompli jgħidilna li "n-nanna dak iż-żmien kellha 70 sena. Wara kienet qaltilhom kif semgħet ħoss ta' bomba u ħarġet tittawwal barra. Ħasbet li sploda xi ċilindru tal-gass.
Fit-triq li taqleb lejn in-naħa tad dar tagħha rat gelgul ilma nieżel. Ċertu pulizija li kien sejjer id-dar lura mis-servizz jismu Alfred Xuereb għalqilha l-bieb malajr u ġibidha n-naħa l-oħra tat-triq. Ftit mumenti wara l-ilma li rat ħa n-nar għax dan kien fjuwil tal-ajruplan." F'dik it-traġedja mietet Vinċenza Zammit ta' 48 sena u ħames membri li kienu jiffurmaw parti minn ekwipaġġ ta' sebgħa fuq ajruplan militari Ingliż tat-tip Vulcan Bomber. L-ajruplan wara li sploda kien ħalla straġi sħiħa fi Triq is-Santwarju f'Ħaż-Żabbar. L-ajruplan kien fuq titjira ta' taħriġ minn Londra għal Malta u kien mistenni jdum Malta tlett ijiem.
Kawża tal-isplużjoni mhux inqas minn għoxrin Malti, fosthom tifel ta' madwar seba' snin, kienu ttieħdu b'urġenza fl-Isptar San Luqa. Wara li ġew imdewwijin tmienja minn dawk feruti intbagħtu lejn id-dar u sebgħa oħra nżammu għal aktar kura. Kien għall-ħabta tas-siegħa ta' waranofsinhar meta l-ajruplan Vulcan deher riesaq lejn l-ajruport. Kif kien xi mitejn jarda bogħod, qabel ma mess mal-mitjar, l-ajruplan beda nieżel b'ħeffa mhux tas-soltu.
Bis-sabta li ħa, il-Vulcan tajjar ir-roti tax-xellug u għal xi tul tkaxkar fuq denbu. Dan l-episodju qasir kien il-bidu ta' traġedja li kexkxet liż-Żabbarin. Jidher li l-bdot kien iddeċieda li ma jkomplix jillandja u reġa' tar. Dan irnexxielu jagħmlu. Dilettant tal-ajvazzjoni li dakinhar kien qed jisma' r-radju fuq il-frekwenza tat-Torri tal-Kontroll, sema' lill-bdot jgħid li "se nagħmel dawra oħra". It-tweġiba mit-Torri tal-Kontroll kienet li "naħseb li l-ajruplan qed jaqbad".
L-ajruplan deher qed idur iżda kif kien fuq Ħaż-Żabbar dan iddisintegra u sploda. Żewġ membri tal-ekwipaġġ irnexxielhom jaqbżu bil-paraxut. Żewġ partijiet kbar mill-ajruplan niżlu fl-iskola primarja u fuq bejt ta' garaxx li hemm fi Triq Santa Tereża viċin l-iskola.
Għalkemm dak il-ħin fl-iskola kien hemm xi tfal u xi għalliema, b'fortuna kbira ħadd ma weġġa'. Partijiet żgħar oħra ġew f'għelieqi fil-qrib, fuq bjut, fi djar u fi pjazza San Ġakbu magħrufa bħala l-Misraħ. Għadd ta' aerials tat-televiżjoni tqaċċtu u d-dawl elettriku nqata' minnufih. Għadd ta' karozzi fil-qrib inħarqu bl-istess petrol li ħalla warajh l-ajruplan sekondi qabel niżel fl-għalqa. Fi Triq is-Santwarju kien hemm konfużjoni sħiħa u fl-għelieqi 'l ġewwa minn Triq Santa Duminka, fejn straħ l-ajruplan, kien hemm storja oħra. In-nies marret bi ħġarha fuq il-post fejn kien hemm xeni deskritti minn dawk preżenti bħala 'tat-tkexkix'. Fil-ġenb ta' din l-għalqa kien hemm l-ajruplan miksi bi dħaħen u nirien. F'ħin minnhom instemgħu żewġ splużjonijiet qawwija. Waqt li kienet qed issir ġlieda kontra n-nirien, ġriet l-aħbar li kien hemm dar li kienet qed taqbad.


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home