It-tfal ma jafux mibegħda … Tfal Maltin jingħaqdu ma’ tfal Sirjani fit-Talba tar-Rużarju għall-Għaqda u l-Paċi
Għal darb’oħra l-Aid to the Church in Need (Malta) qed tistieden lit-tfal Maltin biex jingħaqdu ma’ miljuni oħrajn madwar id-dinja fit-18 t’Ottubru fid-9.00 ta' filgħodu jgħidu t-talba tar-Rużarju għall-għaqda u l-paċi fid-dinja. S’issa aktar minn 5,840 tifel u tifla Maltin se jipparteċipaw. Kull wieħed u waħda minnhom se jirċievu kuruna żgħira bħala tifkira. F’ħafna postijiet madwar id-dinja llum il-vjolenza qed tkompli teskala u t-theddida mifruxa ta’ konflitt armat hija waħda mill-akbar perikli li qed niffaċċjaw bħal issa. Il-Papa Franġisku enfasizza dan meta qal: “Fid-dinja hemm bosta kunflitti armati li qed iseħħu. Hija tip ta’ Tielet Gwerra Dinjija, li qed titmexxa b’mod frammentat. Din il-battalja hija l-ewwel u qabel kollox waħda spiritwali, u għalhekk fuq kollox għandna bżonn li nitolbu, b’fiduċja kbira - u min jista’ jgħinna aħjar mit-tfal għal dan il-kompitu?” L-għan ta’ dan l-avveniment huwa li jixxerred il-messaġġ biex nitolbu għall-paċi u l-għaqda f’kull bniedem, kif ukoll għall-unità u l-paċi tal-familja, fil-pajjiż u d-dinja kollha. Il-Papa jgħid li r-Rużarju huwa l-“ġabra dwar l-istorja tal-ħniena ta’ Alla,” iżda aktar milli jnaqqas mill-problemi tal-ħajja huwa “jitlob li aħna indaħħlu lilna nfusna fl-istorja ta’ kuljum, sabiex naħtfu s-sinjali tal-preżenza ta’ Kristu fostna.” L-inizjattiva ta’ din is-sena li se jieħdu sehem fiha miljuni ta’ tfal Sirjani tal-iskola hija marbuta mal-appell biex tirrenja l-paċi u tintemm il-gwerra fis-Sirja. Din kienet ikkordinata mill-Aid to the Church in Need. Dawn l-aħħar ftit ġimgħat, tfal f’aktar minn 2,000 skola madwar is-Sirja pinġew u kitbu messaġġi lill-policy makers fl-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti taħt il-motto “Paċi għat-Tfal”.
Dan l-appell għall-paċi hu kampanja konġunta li qed titwettaq mill-Kattoliċi, Kristjani Ortodossi fis-Sirja. Il-membri tal-komunitajiet reliġjużi kollha ġew mistiedna biex jieħdu sehem. Barra minn hekk, tfal tal-iskola Sirjani - inklużi ħafna Musulmani - kitbu messaġġi lill-komunità globali fuq bżieżaq bojod: “Aħna rridu l-paċi!”, “Agħtuna t-tfulija tagħna!”, “Aħna ma rridux aktar gwerra!” u “Aħna rridu mmorru l-iskola!”. Filwaqt li se jkunu l-“ambaxxaturi tat-tfal”, il-Patrijarka Gregorios III, il-kap tal-Knisja Melkita Griega Kattolika, kif ukoll il-MetropolitaGeorge Abou Zakhem ta’ Homs, li se jirrappreżenta l-Patrijarkat Ortodoss Grieg t’Antijokja u tal-Lvant kollu, u l-Isqof Selvanos Boutros al Nemeh ta’ Homs tal-Patrijarkat Ortodoss Sirjan qed jivvjaġġaw flimkien fi Brussell u Ġinevra bejn l-10 u t-13 t’Ottubru biex jagħtu l-ittri u tpinġijiet tat-tfal lir-rappreżentanti ta’ grad għoli tal-Unjoni Ewropea u tan-Nazzjonijiet Uniti. Fost oħrajn, ir-rappreżentanti religjużi se jiltaqgħu mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker, u l-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz. F’Ġinevra, huma se jagħtu l-messaġġi tat-tfal lill-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati, Dr Filippo Grandi, u l-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, Prince Al-Huzain.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home