"Il-PM wegħdni li dan id-dritt se jingħata lura u hekk ġara"
"Naħseb li hu ta' sodisfazzjon li wara dan iż-żmien kollu li n-nies ġew imċaħħdin minn dak li bi dritt kien tagħhom - il-Kartuna r-Roża, issa dan id-dritt se jerġa' jingħata. Fis-sena 2012 riedu jneħħu dan id-dritt u ġġilidt biex ma jitneħħiex. Ġara li minkejja li pazjenti bid-diabete kellhom dritt għall-Kartuna r-Roża xorta kienu qed jaqtgħuhom u jpoġġuhom fuq il-Kartuna s-Safra. Intervjenejt personali mal-Prim Ministru Joseph Muscat u hu wegħdni li dan id-dritt tan-nies se jingħata lura. Grazzi għall-Prim Ministru li laqa' t-talba u din se tkun indirizzata fil-baġit li ġej". Dan iddikjarah id-Deputat Laburista Silvio Parnis meta kuntattjat minn L-ORIZZONT, wara li sar magħruf fil-Parlament li din il-kwistjoni tal-Kartuna Roża se tkun trattata fil-baġit li ġej. Hu qalilna li "qegħdin fil-politika biex inservu u biex dak li hu dritt tal-konsumatur jingħata. Din il-ġlieda għamiltha għax sa mill-bidu emmint li kien dritt li ma seta' jċaħħdu ħadd."
Ta' min jgħid li fost il-benefiċċji li tilfu dawn il-pazjenti b'deċiżjoni tas-sena 2012 kien hemm dak li l-pilloli Metformin inqalbulhom fuq il-Kartuna s-Safra. Qed iqumu ħafna ilmenti għax qed jingħad li dan ifisser li jekk issa dawn il-pazjenti jkollhom bżonn 'hearing aide' iridu jħallsuh huma bi spiża ta' madwar €500, dentaturi l-istess, waqt li jiġu affettwati servizzi ta' telecare u benefiċċji fuq kera tas-servizz tat-telefon. Li ġara f'din il-kwistjoni kien li kien hemm mijiet ta’ nies li qalbulhom il-pilloli minn fuq il-Kartuna r-Roża għal fuq il-Kartuna Safra kontra r-rieda tagħhom u b’ hekk tilfu ħafna drittijiet li kellhom.
Dan minkejja li fit-tweġiba mill-Ministru kien intqal li permezz ta’ Avviż Legali fl-2012 id-Diabetes Mellitus Type 1 u Type 2, flimkien mat-Tuberkolożi, il-Poljo u l-Lebbra tneħħew minn fuq l-Iskeda II (Il-Kartuna r-Roża) u żdiedu mal-Lista tal-Kundizzjonjiet Kroniċi li jaqgħu taħt l-Iskema V (Il-Kartuna s-Safra).?Fl-2012 il-pazjenti li kienu jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete ngħataw l-għażla jekk jaqilbux għall-Kartuna s-Safra jew jibqgħux fuq il-Kartuna r-Roza. Il-kelliem qal li għaldaqstant, minkejja l-ispjega ċara tal-ministru, mhux hekk qed jiġri. Hu talab laqgħa urġenti mal-Ministru għas-Saħħa. Dan biex dawk li kellhom il-Kartuna Roża qabel is-sena 2012 għax kienu dijabetiċi u ġiet imneħħija kontra r-rieda tal-pazjenti jiġu avviċinati biex terġa' tingħata lura din il-Kartuna Roża bi dritt permezz tal-Avviż Legali tas-sena 2012.
Il-ġurnal L-ORIZZONT kien segwa din il-kwistjoni, fejn wara kuntatt mal-Ministeru għas-Saħħa, dawn kienu qalulna li għaddejja ħidma dwar din il-kwistjoni. Enfasizzaw li "l-Ministeru għas-Saħħa hu konxju illi wara tibdil fil-regolamenti dwar il-Kartuna r-Roża għal persuni li jbatu bid-dijabete li kien sar fis-sena 2012, numru ta' pazjenti ntlaqtu ħażin. Il-Ministeru qiegħed jieħu diversi passi biex jirrimedja. Dawn huma li qiegħed jiżdied l-aċċess għall-antibijotiċi, 'cream' u gareż flimkien ma' mediċini tad-dijabete għal dawk il-persuni li għandhom il-Kartuna s-Safra. Il-Ministeru qiegħed f'diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali biex jistħarreġ kif jista' jerġa' jintroduċi l-Kartuna r-Roża għall-persuni dijabetiċi."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home