Tuesday, October 11, 2016



Xhur ta' interventi u kimoterapija ... "Gabriella issa qed tgħix mill-ġdid"

Id-differenza bejn ftit xhur ilu u llum hi evidenti. Tifla enerġetika. Sakemm qed nitkellem ma' ommha hi intilfet tilgħab fil-kamra spazjuża li iltqajna fiha. Ma jonqosx li ssemmilek lil 'My little Pony' u 'My secret life of pets", li tista' tgħid togħxa ssegwihom. Ferħana ħafna li reġgħet libset l-uniformi tal-iskola. Tifla li llum għandha erba' snin. Għamlet xhur sħaħ, sa minn meta kellha sentejn u nofs b'għadd ta' interventi mediċi kontra l-Lewkemja. Għamlet xhur bil-kimopterapija. Kura medika li waqt li kienet qed tingħata bidluha totalment.
Illum qed tgħix mill-ġdid hekk kif ftit jiem ilu biss, ġiet dikjarat li ħi ħielsa għal kollox minn din il-marda. Nitkellmu ma' ommha Marija (qed nibdlu l-isem biex nipproteġu l-identità tal-omm fuq xewqa tagħha stess).
Tgħidilna mill-ewwel li trid tispjega għaliex ma tridx tidher u tissemma b'isimha propju. "Ma niddejjaq xejn nitkellem fuq dak li għaddejt minnu bil-kura għat-tifla. Biss meta sirt naf bil-marda li kellha, ridt li jekk jista' jkun nibqa' normali. Ma ridtx li noħroġ hemm barra u kulħadd jistaqsi. Ridt li nżomm kollox għaddej kif kien. Tista' tgħid li lanqas sħabi fuq ix-xogħol ma jafu minn dak li għaddejt minnu", qaltilna l-omm.
"Daqqa kbira li lanqas jibqagħlek saħħa"
Marija tgħidilna li "meta sirt naf biex inhi marida t-tifla għalija din kienet daqqa kbira. Hekk tispiċċa bla saħħa. Jibdew għaddejjin elf ħsieb minn moħħok. Kont waqaft naħdem għax konna dejjem ġejjin u sejrin l-isptar. Tkun f'sitwazzjoni fejn ma tkunx taf x'inhu ġej. Dejjem f'inċertezza." Tkompli tgħidilna li "mill-ewwel bdew it-trattamenti fejn fl-ewwel xahrejn għamlet operazzjoni kull ġimgħa. Minħabba l-mediċini u steroids li bdiet tingħata t-tifla nbidlet ħafna. Bdiet timtela' bl-ilma. Wiċċha ntefaħ. Kienu jneħħulha l-ilma b'mod regolari. Biss hi baqgħet tifla kuntenta. Fl-isptar kienet tkellem lil kulħadd".
"Meta waqgħalha xagħrha aċċettajt ir-realtà"
L-omm tgħidilna li "jien kont ngħid li din li qed ngħix kienet ħolma li kienet se tgħaddi. Imma meta rajt li lit-tifla beda jaqgħalha xagħra, aċċettajt ir-realtà. Irrid ngħid li t-tifla bdiet tiffaċċja l-marda meta kellha xejn inqas minn sentejn u nofs. Għajnuna sibt ħafna. Trid tistaqsi għaliha, imma jekk tistaqsi se ssib. Nista' ngħid bla tlaqliq li sibt ħafna qlub kbar. Sadanittant it-tifla bdiet tingħata kimoterapija intensiva u riedu jaraw li filfatt din qiegħda taħdem.
Ir-riżultati bdew juru li ċ-ċelloli tal-kancer kienu qed jonqsu. F'dan iż-żmien ma tkunx taf fejn int. Filli reqdin id-dar filli tqumlek it-tifla f'nofs ta' lejl bid-deni u jkollna nmorru niġru lejn l-isptar. Ma tistax tippjana. Filli nkun qiegħda għand ommi filli niskopru li n-neputi ħareġ il-ġidri r-riħ u t-tifla peress li ġiet f'kuntatt miegħu kellna nmorru niġru biha lejn l-isptar. Hawnhekk kelli naqra problema għax tlabthom biex noqgħod hemm imqar għal jumejn sakemm insib post fejn noqgħod biex it-tifla ma tkunx f'kuntatt man-neputi peress li jien u oħti konna qed ngħixu għand ommi. Fuq din ma setgħux jgħinu u mnalla kienet ħabiba tiegħi".
"Iebsa biex tgħaddi minnha, imma trid tħares 'l quddiem"
L-omm tgħidilna li "iebsa ħafna biex tgħaddi minn din l-esperjenza. Imma llum meta nħares lura ngħid li mmaturatna. Anki lit-tifla kabbritha. Irid ikollok il-kuraġġ. It-tifla kienet tagħmilli ħafna kuraġġ, għax kienet tgħidli li kollox se jispiċċa tajjeb. It-tifla għandha qalb kbira u kull meta nkunu l-isptar dejjem kienet tispiċċa titkellem mat-tfal l-oħra". Tkompli tgħid li "kif ftit jiem ilu ġiet dikjarata ħielsa mill-marda, ħassejt ferħ kbir. Kien ferħ kbir. Issa qed ngħixu ħajja ġdida".

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home