Il-bandli propost f'Tas-Sliema "ta' riskju għat-tfal"
Il-kwistjoni marbuta ma' proposta biex bandli li hemm fi Triq it-Torri f'Tas-Sliema jitneħħa u minflok isir parkeġġ ta' tliet sulari bil-bandli jkunu fuqu - li jfisser li se jkunu eżatt mal-livell ta' triq traffikuża li hemm, qajjem tħassib ukoll mill-Kummissarju għat-Tfal, Pauline Miceli. Konxja ta' ittra li intbagħtet minn Dr George Debono, hi kitbet lill-Awtorità tal-Ippjanar fuq din l-applikazzjoni u enfasizzat li r-riskji li hemm fuq saħħet it-tfal ma jistgħux jiġu injorati.
F'ittra li kitbet lill-Awtorità tal-Ippjanar, hi qalet li
bħala Kummissarju għat-Tfal għandha mandat li tippromwovi l-ogħla
standards fis-saħħa għat-tfal. Hi esprimiet it-tama tagħha li jkun hemm
assessjar tal-impatt għas-saħħa u li dan għandu jsir qabel l-istess
awtorità tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni.
Ta' min jgħid li t-Tabib George G. Debono kien kiteb
lill-MEPA fuq bażi professjonali u lmenta li bandli fuq parkeġġ ta'
tliet sulari hu ta' dannu għas-saħħa tat-tfal.
F'ittra li kiteb lill-MEPA, it-tabib Debono irrimarka li
hu mhux qed joġġezzjona għal dan l-iżvilupp fuq bażi personali imma
bħala professjonist fil-qasam tas-saħħa. Hu kien iddikjara li hu mħasseb
b'mod serju ħafna fuq l-implikazzjonijiet fuq is-saħħa bil-bini ta'
bandli għat-tfal direttament fuq garaxx ta' tliet sulari.
"L-oġġezzjonijiet li qed nagħmel jien huma bbażati fuq
evidenza xjentifika u din tinkludi l-probabbilità għolja li tfal li
jkunu qed jilagħbu f'dan il-bandli fil-preżenza ta' dħaħen li jkunu
ġejjin mill-ventilazzjoni tal-garaxx u minn żieda fit-traffiku
fil-lokal, se jkunu esposti għal theddid fuq saħħithom," qal it-Tabib
Debono.
Fil-korrispondenza tiegħu hu kien oġġezzjona għal diversi
fatturi fosthom li evidenza turi li hemm assoċjazzjoni qawwija bejn
tniġġiż mid-dħaħen tal-karozzi u mard respiratorju, kanċer u anke imwiet
kmieni fit-tfal u adulti. Punt ieħor li semma hu dak li t-tfal huma
ferm aktar suxxettibbli għal danni fis-saħħa tagħhom minn tniġġis
fl-arja. Enfasizza li bandli li jkunu qrib ta' toroq li jkollhom
konġestjoni ta' traffiku, għandhom aktar ċans li jippreżentaw riskji
għas-saħħa tat-tfal. Saħaq li l-bandli għat-tfal għandhom dejjem ikunu
b'ċerta distanza minn toroq b'konġestjoni ta' traffiku. Tenna li din
l-istrateġija għandha tkun parti mill-ippjanar urban.
It-Tabib Debono kien kompla jgħid li hu ħażin ħafna li
bandli isir fuq parkeġġ, waqt li enfasizza li din iż-żona ma kinitx
analizzata f'dak li hu tniġġis tal-arja.
Il-kwistjoni dwar il-proposta tal-Kunsill Lokali ta'
Tas-Sliema biex fi ġnien u bandli li hemm fi Triq it-Torri f'Tas-Sliema
jagħmel parkeġġ ta' diversi sulari taħt l-art, qajmet diversi
oġġezzjonijiet. Fost l-oġġezzjonijiet li tqajmu minn residenti li
bħalissa jiffrekwentaw dan l-ispazju pubbliku hu l-fatt li l-bandli ġej
fuq is-saqaf tal-parkeġġ, xi ħaġa li qed titqies minn dawk preżenti
bħala theddida għas-sigurtà tat-tfal u dan minħabba li l-bandli issa ġej
fl-istess livell tat-triq. L-istess residenti qed jilmentaw dan
x'effett jista' jkollu fuq l-emissjonijiet tal-karozzi fl-istess bandli,
li llum jinsab l-isfel mil-livell tat-triq.
Oġġezzjonijiet simili għamlithom ukoll l-għaqda Flimkien
għal Ambjent Aħjar, fejn talbet li ssir analiżi xjentifika li tkejjel
l-emissjonijiet tal-arja fil-livelli differenti, jiġifieri fejn hemm
il-bandli llum u fejn hu propost li jsiru. Hi spjegat li llum kulħadd hu
konxju ta' kemm jagħmlu ħsara l-emissjonijiet tal-karozzi b'mod
partikolari fejn tidħol l-ażma.
Ta' min jgħid li l-kunsill kien qal li ssottometta
applikazzjoni mal-MEPA għal permess sabiex ikun jista’ jibni parkeġġ
taħt l-art li se jakkomoda madwar 180 karozza u fuq dan il-parkeġġ se
jerġa’ jinbena bandli bl-aktar faċilitajiet moderni, sabiex jitgawda
mill-familji tal-lokalità. Kien qal li dan il-parkeġġ, se jservi ukoll,
biex matul ix-xhur tas-sajf, titnaqqas ferm il-konġestjoni li tinħoloq
fil-parkeġġ miftuħ li hemm bħalissa fiż-żona tal-Exiles, fejn saħansitra
numru ta’ vetturi qed jiġu pparkjati fuq il-blat tal-bajja li tinsab
taħt it-Torri.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home