Sunday, October 16, 2016


"Baġit soċjali … hekk insejjaħlu l-baġit li se nippreżentaw"

    "Il-baġit ta' għada nsejjaħlu kelma waħda biss. Għada se jkollna baġit soċjali. Baġit li se jaħseb f'min hu l-aktar fil-bżonn. Dan hu Gvern li sena wara l-oħra, minflok jieħu se jagħti. Bdejna billi kabbarna l-ekonomija u issa wasal iż-żmien li ż-żgħir nett igawdi. Min qed jabbuża ġlieda se jkollu mingħandna. Din hi parti mir-roadmap. Ma stajniex għamilna bilmaqlub. Li kieku bdejna nżidu l-benefiċċji u wara naħsbu fl-investiment flok 'l quddiem konna nmorru lura għax kien ikun ifisser li qed inqassmu minn dak li m'għandniex".
    Dan iddikjarah il-Prim Ministru, Joseph Muscat waqt laqgħa politika fil-Marsa, fejn saħaq li hawn min mhux iħoss il-ġid li ġie ġġenerat. Iddikjara b'mod ċar li issa hu l-waqt li dawn in-nies iħossu ukoll il-ġid fil-but tagħhom. Il-Prim Ministru Joseph Muscat beda l-intervent tiegħu qal li 'l-istess aġenzija li niżżlet lill-Istati Uniti f'livell f'dak li hu kreditu, lilna għollewna 'l fuq u dan għall-ewwel darba f'għoxrin sena." Kompla jgħid li "dan il-Gvern bidel id-direzzjoni tal-pajjiż u qed naraw dan bil-fatti. U forsi tgħiduli li għalina mhux xorta jekk Standard and Poor's ituna A jew B.
    Le mhux xorta, Meta r-rating ta' pajjiżna jitla' l-fuq ir-rata ta' self għalina tonqos. Issa bħala pajjiż li għandna inqas sogru u għax il-barranin qed jafdawna aktar, ir-rati ta' imgħax se jkunu inqas u dan ifisser aktar flus biex nagħmlu proġetti fil-pajjiż. Jekk ma jkollokx tkabbir fl-ekonomija, l-affarijiet l-oħra jkunu biss xewqat. Imbuttajna u se nkomplu nimbuttaw in-negozju. Mill-Malta Enterprise is-sena li għaddiet ġew approvati 54 proġett li bejniethom ħolqu 800 post tax-xogħol ġdid. Se nimbuttaw mhux lill-kbar biss fin-negozju imma anki liż-żgħar. Issa biex tiftaħ negozju m'għandekx bżonn 28 ġurnata imma 10 t'ijiem biss."
    Saħaq li "n-nies qed iħossu r-riżultati fi bwiethom. Il-mistoqsija kruċjali hi - llum sejjer aġħjar minn tlett snin ilu jew le? It-tweġiba ta' ħafna mill-poplu hi iva. Imma dan hu gvern li qatt ma jikkuntenta ruħu. Għandna lanqas bdejna bil-bidliet li rridu nagħmlu fil-pajjiż għax nafu li l-ġid għadu ma wasalx għand kulħadd u għad hawn min mhux iħoss il-ġid." Il-Prim Ministru qal li "l-bidla kbira li għamilna hi li ftamna għal kollox il-prezz tat-tariffi tal-elettriku mill-prezz internazzjonali taż-żejt. Illum il-prezz taż-żejt għola u ġie fl-ġħola livell fi żmien sena. Jekk nagħmlu kif irid ħaddieħor, kieku nispiċċaw ngħollu l-prezz. Ir-Russi u Sawdi Għarabja ftehmu li mhux se jipproduċu aktar u dan biex jogħla l-prezz. Il-Kap Nazzjonalista jidher li baqa' ma fehem xejn minn sitwazzjoni li se tagħmel ġid kbir ambjentali."
    Joseph Muscat qal li "l-problema kbira li għandu l-Kap tal-Oppożizzjoni hi li jgħid xi ħaġa bla ma jaħsibha. Qed jgħidulu li l-vapur tal-gass mhux ta' periklu mela x'qed tipprotesta tagħmel? Ħsibtu se jipprotesta kontra t-tankijiet tal-fjuwil f'nofs ir-residenti f'Birżebbuġa. Jekk minn hawn u 18-il xahar ieħor ikun Prim Ministru se jneħħih dan it-tanker? Qed jgħid li dan hu punt ta' prinċipju u għalhekk ma tinnegozjax. Jekk ineħħiħ se jkun ifisser li se jerġa' jiftaħ ix-xiri taż-żejt, li se jerġa' jiftaħ l-impjant tal-Marsa. ifisser li se nmorru lura għal kontijiet għola. Ifisser li dak kollu li kiseb dan il-pajjiż jintilef." Tenna li "hemm liġi fl-Unjoni Ewropea li tobbliga lil kull port ewlieni f'pajjiż Ewropew biex dan ikollu faċilità tal-gass LNG." Enfasizza li "naħseb aħjar il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħidilna x'se jagħmel fuq il-każijiet li għandu fid-dar tiegħu.
    Jista' jgħidilna x'se jagħmel dwar dawn? Seħibna Joe Cordina kien direttur f'kumpanija li kienet issemmiet fl-iskandlu taż-żejt. Joe Cordina ma kienx ħareġ għall-elezzjoni." Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li "ninsabu lejlet baġit ieħor u n-nies flok anzjuża x'piżijiet se jintħabbru, dawn huma anzjużi fuq x'se jagħti l-Gvern. Din hi l-bidla. Kif inbidlet l-attitudni tan-nies lejn il-baġit. Il-pjan tagħna ċarissimu u għada hu pass ieħor fi twettiq ta' roadmap biex tinħoloq klassi tan-nofs ġdid u min qed jaqa' lura jibda' jħoss il-ġid. Rajna li xorta għad hawn min ma jistax jaħdem minħabba problemi soċjali jew mard. Hawn min li jirsisti kemm jirsisti qisu ma jistax jimxi 'l quddiem u dawn huma nies li ma tistax tnaqqsilhom taxxa għax diġa ma jħallsux. Hemm ukoll il-pensjonanti. Tajna żieda għall-ewwel darba fil-pensjoni u għedna li din mhix biżżejjed. Prezz tas-suċċess fil-pajjiż hu li għolew l-kirjiet tal-proprjetà."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home