Friday, October 14, 2016



Edukatur ma' kull erbat itfal ... skejjel f'Għawdex battala mill-istudenti

Li fi skola jkun hemm edukatur ma' kull erbat itfal, tinstema' stramba. Li fi skola sħiħa l-ammont totali ta' għalliema u studenti ma jaqbiżx l-40 persuna, tqajjimlek ħafna mistoqsijiet. Dan għax illum nafu li f'Malta l-iskejjel għandhom klassijiet ta' 20 student u aktar. Imma f'Għawdex hemm realtajiet fejn żewġ skejjel partikolari dik ta' Kerċem u dik ta' San Lawrenz jinsabu tista' tgħid battala mill-istudenti.
F'din is-sena skolastika li għadha kif bdiet, fl-Iskola Primarja ta' San Lawrenz, mill-kindergarten sal-klassi tas-sitt sena hemm 31 student. Għat-tieni u t-tielet sena lanqas hemm klassi għax m'hemmx studenti. Ma' dawn il-31 student, fl-iskola hemm seba' edukaturi fejn hemm il-Kap tal-Iskola, erba' għalliema u 2 Kindergarten Assistants.  Dan ifisser edukatur ma' kull erbat 'itfal. Il-problema ta' nuqqas ta' studenti f'din l-iskola jidher li se tippersisti u dan hekk kif għal kinder 1 u kinder 2 hemm biss 5 studenti rispettivament. Għall-klassi tal-ewwel sena hemm biss tliet studenti.
Jekk imbagħad nieħdu l-Iskola ta' Kerċem naraw li b'kollox hemm 74 student, waqt li hemm 10 edukaturi, jiġifieri hemm medja ta' edukatur għal kull 7 t'itfal.
Minn statistica li ngħatat fil-Parlament mill-Ministru Evarist Bartolo għal Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said intqal li fil-Primarja ta' Għajnsielem hemm 137 student, f'dik ta' l-Għarb hemm 102, fil-Primarja tan-Nadur hemm 209 student, fil-Primarja tal-Qala hemm 112 student, fil-Primarja ta' Sannat hemm 148 student, dik tar-Rabat Għawdex hemm 370 student f'tax-Xagħra 237 student waqt li tax-Xewkija u ż-Żebbuġ kellhom 81 u 62 student rispettivament.


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home