Diskussjonijiet dwar it-triq f'riskju li toħloq traġedja
It-triq max-xatt fil-Birgu li tinsab f'riskju li toħloq traġedja għax hi mikula minn taħt mill-baħar u għalhekk hemm riskju kbir li din iċċedi, issa għaddejjin diskussjonijiet dwarha bl-għan li tinstab soluzzjoni u din it-triq titranġa. Wara li kien hemm min beda jsostni li din it-triq hi responsabbilità tal-kunsill lokali u meta kien ċar li l-kunsill m'għandux fondi neċessarji biex jagħmel ix-xogħlijiet, issa inbdew diskussjonijiet bejn Transport Malta, il-Ministeru għall-Infrastruttura u l-kunsill biex tinstab soluzzjoni. Is-sindku tal-Birgu, John Boxall meta kien kuntattjat minn Inewsmalta dwar din it-triq kien qalilna li "l-istat ta' din it-triq jinsab fi stat ħażin ħafna. Għandna indikazzjoni ċari li partijiet taħt it-triq huma vojti.
Hemm periklu kbir. Għandek fuq naħa tal-Birgu fejn hemm ir-ristoranti it-triq hi rranġata u fuq in-naħa l-oħra triq diżastru. Din jekk titranġa, tkun tista' tifforma parti minn waħda mill-isbaħ mixjiet li tibda mill-Isla u tibqa' sejra sa Bighi. Il-biża' tagħna hu li din it-triq tista' tisfronda. Kellna għadd ta' talbiet minn sewwieqa biex inħallsuhom ta' ħsarat li solvew. Kellna parti mit-triq li kienet inġarret mill-baħar waqt maltempata. Hemm persuna li tinżel togħdos hemm għall-ħniex li infurmatna li hemm partijiet mit-triq vojta. Irrid ngħid li għal din it-triq kien hemm proġett li kien ġie approvat mill-amministrazzjoni ta' qabel. Dan il-proġett imma qatt ma twettaq. Nistaqsi: għaliex din it-triq qed titħalla f'din l-istat? Bħala kunsill m'għandniex fondi biex nagħmluha din għax trid tinqala' mill-qiegħ. Żgur li hemm mezzi biex l-awtoritajiet isibu fondi għaliha anki fondi Ewropej. Nitlob li tiġi rranġata qabel issir xi traġedja", kien qalilna s-Sindku John Boxall.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home