Tuesday, October 18, 2016

Ir-rig taż-żejt li nkalja fl-Iskozja jinsab fi triqtu lejn Malta

Ir-rig għat-tħaffir taż-żejt li xahrejn ilu inkalja qrib gżejjer Skoċċiżi issa jinsab mill-ġdid fi triqtu lejn Malta. Wara li nkalja l-proċess li kien imiss ma kienx wieħed faċli fejn wara tliet ġimgħat, ir-rig tmexxa lejn Broad Bay u wara tpoġġa fuq 'semi submersible heavy-lift vessel'.
Ir-rig Transocean Winner, telaq minn fejn kien nhar il-Ġimgħa filgħaxija, bil-Gwardji tal-Kosta Ingliżi jibqgħu jsegwuh sakemm joħroġ mill-ibħra tar-Renju Unit. Ir-rig mistenni jkun f'Malta fi żmien ġimagħtejn. L-investigazzjonijiet b'rabta mal-inċident sabu li żewġ tankijiet tad-diżil ġarrbu ħsarat.
Dan ir-rig taż-żejt, li f'Lulju li għadda skadielu l-kuntratt ta' $498,000 kuljum ma' Det Norske Oljeselskap, kien jinsab fi triqtu biex fi żmien qasir ikun f'pajjiżna. Dan fuqu kellu jsir xi xogħol u mbagħad wara jittieħed lejn it-Turkija biex ikun skrappjat. Dan ir-rig, iżda, kien involut f'kontroversja sħiħa hekk kif waqt li kien qed jinġibed spiċċa nqabad f'maltempata u inkalja fuq il-gżira ta' Lewis 'il barra mil-Iskozja.
Diversi esperti fl-Iskozja kienu eżaminaw iċ-ċirkostanzi li minħabba fihom ir-rig taż-żejt spiċċa inkalja waqt li kien qed jinġibed. Abbord ir-rig kien hemm 280 tunnellata ta' diżil. L-awtoritajiet Skoċċiżi kienu imblukkaw l-aċċess għal xtajtiet fil-qrib u avżaw lill-għawwiema biex iżommu 'l bogħod.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home