Fi Frar inkiser kull rekord ta' temperaturi għoljin mad-dinja kollha
Ix-xejra li wera x-xahar ta' Frar ta' din is-sena f'Malta mhumiex uniċi għal Malta. Filfatt waqt li Frar ta' din is-sena f'Malta kiser żewġ rekords dak bħala l-aktar xott fl-aħħar 93 sena u dak għall-ogħla temperatura medja mis-sena 1923 'l hawn, minn riċerka li saret minn Nasa instab li fi Frar li għadda nkiser kull rekord ta' temperaturi għoljin. Dan hu fatt ieħor li qed jiġri attribwit għall-bidla fil-klima li qed iseħħ fid-dinja.
Statistika li nħarġet minn NASA turi li t-temperatura globali
għax-xahar ta' Frar kienet 1.35 grad aktar sħuna mill-medja għal dan
ix-xahar. Din qed titqies bħala żieda ferm akbar minn dik li ġieli ġiet
reġistrata. Xjentisti bħal Jeff Masters u Bob Henson, iddeskrivew dan
bħala "xokkanti". Il-professur Stefan Rahmstorf minn Potsdam Institute
qal li "dak li ġie żvelat mir-riċerka juri li qegħdin f'emerġenza
fil-bidla fil-klima".
Mitlub jikkummenta minn inewsmalta.com, il-Ministru
għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima, Leo Brincat
qal li "meta istitut ta' dan il-kalibru juri sens qawwi ta' alarm nkunu
qed nonqsu aħna jekk ma niħdux konklużjonijiet bis-serjetà meħtieġa u
mixtieqa għax dan huwa fost l-iprem istituti dwar l-istudji dwar
il-klima madwar id-dinja. Huwa l-istess post mwaqqaf minn Einstein u
kien wieħed mill-għejun ewlenin li offrew riċerka xjentifika lill-Papa
Franġisku meta ħejja l-enċiklika riċenti tiegħu dwar l-ambjent u
l-klima. Kelli l-privileġġ li nżur dan l-istitut meta kont għadni shadow
minister flimkien ma' delegazzjoni Parlamentari Maltija fejn konna
ġejna ppreżentati bi preżentazzjoni dettaljata u proġettazzjonijiet dwar
l-impatt tal-klima fuq pajjiżna għall-ġejjieni b'ċertu dettal u
professjonaliżmu."
Leo Brincat enfasizza li "it-tagħlima minn dan kollu hi li l-klassi
politika hemm bżonn tisma' aktar mix-xjenza meta tieħu ċerti
deċiżjonijiet u mhux tmur għal soluzzjonijiet fuq bażi qasira ta' żmien.
Fuq nota pożittiva il-fatt li COP21 poġġa fil-mira tiegħu temperatura
massima ta 1.5 ċentigradi li huwa saħansitra aktar baxx mill-livell
issettjat mill-Unjoni Ewropea nnifisha, juri li ix-xjenza uriet li
l-mexxejja dinjija ma jistgħux jagħtu l-ġenb lill-istudji xjentifiċi li
jitħejjew mal-milja taż-żmien".
Kompla jgħid li "kien f'dan il-kuntest li waqt is-Science Exop tal-NSTF
fl-MCAST sħaqt li nistgħu nsaħħu l-ambjent permezz ta' għarfien akbar
dwar ix-xjenza."
Intant f'Malta, Frar li għadda kien l-aktar wieħed xott u sħun f’dawn
l-aħħar kważi mitt sena, bi preċipitazzjoni ta’ 2.6 mm u temperatura
medja ta’ 15.3°C. Kważi nofs il-preċipitazzjoni totali ta’ Frar ġiet
irreġistrata fis-7 tax-xahar, filwaqt li 0.6 mm oħra niżlu f’forma ta’
nida.
It-temperaturi kienu ogħla min-norma tul Frar kollu, iżda laħqu
l-quċċata tagħhom bejn it-12 u l-15 tax-xahar. F’dawn it-tlett ijiem
it-temperatura laħqet massimu ta’ 23.6°C. Temperaturi bħal dawn
ġeneralment jikkaratterizzaw il-bidu tas-sajf u, fil- fatt, din kienet
it-temperatura medja rreġistrata f’Ġunju 2015. It-temperatura
tal-baħar ukoll kienet ogħla mis-soltu b'1.5°C.
Frar gawda minn ftit aktar minn 200 siegħa ta’ xemx. Fid-19 tax-xahar
ix-xemx sirġet għal aktar minn għaxar sigħat, u b’hekk it-tielet
ġimgħa ta’ ħidma fi Frar ġiet fi tmiemha fuq nota pożittiva. Min-naħa
l-oħra, is-16 tax-xahar kien jum pjuttost griż, fejn ix-xemx ma
ħarġitx. Il-kopertura tas-sħab għal dan ix-xahar kienet simili
għan-norma b’4 oktas.
Fi Frar ir-riħ nefaħ xi ftit aktar mis-soltu u buffuri li jkejlu 34
knot jew aktar ġew osservati f’sitt ijiem separati. Il-buffura massima
kienet ta’ 48 knot, ekwivalenti għal kundizzjonijiet ta’ maltemp qawwi
fuq l-iskala Beaufort. Kien hemm ukoll żewġ istanzi ta’ ċpar, fejn
il-viżibbiltà minima kienet ta’ 900 m u 50 m rispettivament.
Ritratt: Ian Noel Pace
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home