Saturday, March 12, 2016

Wara li l-Gvern Slovakk tilef il-maġġoranza fil-Parlament..."Mhux mistenni impatt fuq il-Presidenza Maltija"

L-inċertezza fis-sitwazzjoni politika fis-Slovakkja, fejn fl-aħħar jiem il-Gvern tas-Slovakkja tilef il-maġġoranza Parlamentari li kellu għalkemm hu rebaħ l-elezzjonijiet li saru,  qed joħloq tħassib dwar x'effett dan jista' jkollu fuq il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea li minn Lulju sa' Diċembru se tkun f'idejn is-Slovakkja u fuq il-Presidenza Maltija li tibda minn Jannar tass-sena 2017.  Biss il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali, meta wieġeb mistoqsijiet minn inewsmalta.com qalilna li "mhux mistenni li jkun hemm xi impatt negattiv jew detrimentali."
Il-Ministeru enfasizza li "sentejn ilu kien hemm diġa ftehim li x-xogħol relatat mal-Presidenza jitmexxa mill-amministrazzjoni permanenti tal-gvern. Mill-andament tal-kampanja elettorali ma jidhirx li kien hemm xi issues li jistgħu itellfu l-iSlovakkja mix-xogħol tal-Presidenza. Il-Presidenza tmur lil hinn mill-fehma politika tal-Istat Membru u l-għan tagħha tkun li tiddiskuti t-temi li jkunu diġa prijoritizzati."
Ta' min jgħid li fis-Slovakkja, il-Prim Ministru Robert Fico (ritratt) għalkemm rebaħ l-elezzjoni tilef il-maġġoranza Parlamentari.  Kien hemm diversi partiti żgħar li rebħu siġġijiet fil-Parlament inkluż il-partit tal-lemin estrem LS Nase Slovensko rebaħ 14-il siġġu u għall-ewwel darba daħal fil-Parlament. Dan il-partit hu mmexxi minn Marian Kotleba.
Fl-elezzjonijiet il-Partit ta' Fico ġab 28.4 fil-mija tal-voti jew 49 tas-siġġijiet minn 150 siġġu fil-Parlament.  Fis-Slovakkja bdew negozjati biex ikun ftehim  ta' koalizzjoni għal Gvern stabbli.
Intant f'Malta, il-preparamenti jinsabu fl-aqwa tagħhom.  Il-Palazz tal-President fil-Belt Valletta  qed isirulu diversi interventi biex dan il-post ikun jista' jiffunzjona waqt il-Presidenza.   Se jkun hemm xogħlijiet ta' restawr waqt li s-sala fejn kien jiltaqa' l-Parlament se tinbidel biex fiha jsiru laqgħat tal-Ministri Ewropej. B'kollox f'din is-sala hu stmat li se jsiru 14-il laqgħa.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home