Il-pompa storika fi Mġarr ix-Xini…lejn proġett konġunt b'fondi Ewropej
Il-pompa tal-ilma storika li hemm fil-wied ta' Mġarr ix-Xini f'Għawdex se tkun qed tiġi rranġata u rijabilitata mill-ġdid fi proġett konġunt bejn il-Kunsill Lokali ta' Sannat u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC). Għal dan il-proġett se jintalbu fondi Ewropej. Dan il-pass wassal biex ġiet solvuta l-kwistjoni ta' minn fejn se jinġabu l-fondi. Is-Sindku ta' Sannat Philip Vella, meta kuntattjat minn inewsmalta.com dwar din l-istruttura storika li llum hi abbandunata għalkollox, qalilna li, "Bħala kunsill bdejna ħidma dwarha. Sibna li l-art hi tal-Gvern imma dan kien għaddiha lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Dawn minn naħa tagħhom peress li l-art mhix tagħhom ma setgħux jgħaddu lill-kunsill lokali b'devoluzzjoni. Biex tiġi proprjetà tal-kunsill kien hemm bżonn approvazzjoni mill-Kabinett u anke tal-Parlament. Dan hu proċess twil u għalhekk iddeċidejna li nagħmlu proġett konġunt mal-Korporazzjoni. Għad irridu nagħmlu l-ftehim u għal dan se nitolbu fondi Ewropej."Dan il-post storiku, b'rabta ma' ppumpjar ta' ilma minn taħt l-art, ilu ftit mhux ħażin li tela' fuq l-aġenda tal-Kunsill Lokali fis-Sannat tant li hu ikkummissjona riċerka dwar dan. Grupp ta' studenti tal-arkitettura, Samuel Bonello, James Dingli, Andrea Zerafa, Julian Vassallo, Robert Pace, William Moran u Mario Pace, xhur ilu għamlu riċerka fuq din il-pompa. Il-kumpanija RA & Sons kienet waħda mill-isponsors.
Mir-riċerka li saret kien irriżulta li kien fis-sena 1880 meta Hely Huthinson - li dak iż-żmien kien il-gvernatur kien ta' struzzjonijiet lill-inġinier Osbert Chadwick biex jagħmel spezzjoniijiet dwar id-distribuzzjoni tal-ilma f'Għawdex. L-Inġinier kien osserva li l-villaġġi li kienu jdawwru Mġarr ix-Xini kienu jiddependu biss mill-ilma tax-xita li kien jinġabar. L-inġinier Chadwick kien tal-fehma u dan wara r-riżultati tajbin li nkisbu bil-pumping station f'Wied il-Kbir f'Malta, li seta' jittella' ilma minn taħt il-Wied ta' Mġarr ix-Xini. Chadwick kien sostna li l-ammont ta' siġar tal-ħarrub, tin u dwieli li kien hemm fil-wied, kienu qed juru indikazzjonijiet li l-ilma kien preżenti qrib ħafna tal-wiċċ tal-wied.
Ftit snin wara Chadwick kien ħareġ bi proposta biex jitħaffru xaftijiet fil-Wied ta' Mġarr ix-Xini f'livelli li jkunu jvarjaw bejn 50 u 100 pied. Dawn il-proposti bdew jiġu attwati. Kienu tħaffru mini biex jassiguraw ilma ta' kwalità u dawn bdew jingħaqdu ma' mini u gallariji oħra tal-ilma. Li jiġri hu li minn dawn il-mini l-ilma kiex jispiċċa f'riservi u minnhom jiġi ppumpjat l-ilma għal fuq l-għola parti ta' Mġarr ix-Xini. B'hekk l-ilma imbagħad seta' jitqassam.
Dak iż-żmien il-pompa kienet titħaddem bil-faħam u minħabba f'hekk kienet inbniet struttura u infrastruttura apposta. Din l-istruttra kienet komposta minn fetħiet imħaffrin fil-parti t'isfel tal-wied u dawn kienu konnessi mar-riservi tal-ilma li jiġi mill-mini. Kienu tħaffru żewġ xaftijiet, b'wieħed minnhom kien jintuża biex jintefa' l-faħam u jkun maħżun u l-ieħor kien jintuża biex minnu jinħareġ id-duħħan tal-magna.
Bejn l-1925 u l-1927 kienet ġiet installata magna sekondarja u l-gallariji ta' taħt l-art kienu ġew estiżi. Għoxrin sena wara l-istallazzjoni kienet mibdula ma' żewġ pompi li jaħdmu bid-dawl. Snin wara kienet inbniet pumping station oħra fix-Xewkija u din ingħaqdet mal-istess gallariji li minnhom kien qed jittella' l-ilma fi Mġarr ix-Xini. Kien irriżulta li żewġ pumping stations ma kinux vijabbli, għaliex l-ilma seta' jittella' minn dik tax-Xewkija.
Kien fl-1960 li kien ġie ssuġġerit li l-galleriji jinżlu aktar l-isfel b'żewġ piedi u nofs - xi ħaġa li finalment wasslet biex tiġi abbandunata l-pumping station fi Mġarr ix-Xini. It-tħaffir ta' aktar fil-fond fil-galleriji kien se jwassal biex l-ilma kollu li jkun għaddej minn taħt jinqabad fl-istazzjon il-ġdid. Dan kien wassal biex żdied il-kurrent tal-ilma ta' taħt l-art. Fir-riċerka instabet telegramma li fiha kien hemm indikat li ż-żieda fil-konsum tal-elettriku kienet se twassal biex il-pumping station fix-Xewkija kellha bżonn tlaħħaq ma' volum akbar ta' ilma ippumpjat. Dan seta' jsir b'xejn inqas minn nofs l-ispejjeż li kienu jitħallsu l-ħaddiema biex jitmexxa l-istazzjon ta' Mġarr ix-Xini. Is-servizz ta' żewġ inġiniera u żewġ ħaddiema oħra li kienu jmexxu l-pompa fi Mġarr ix-Xini ma kienx hemm aktar bżonnhom. Minn dakinhar il-pompa ingħalqet u baqgħet abbandunata.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home