Wednesday, March 9, 2016



'Beżquli f'wiċċi…..mort
nibki fuq bank'
    - Fatima, omm mis-Somalja


Kellha tkun mawra bħas-soltu ma' binha fil-Belt Vallettta.  L-esperjenza ta' dakinhar Fatima ma tinsiha qatt. Waqt li kienet għaddejja b'mod normali minn triq ewlenija fil-Belt tara raġel ftit passi bogħod minnha li beda jħares b'rabja lejha u jgħajjat.  Ma' fehmitx x'kien qed jgħid.  Kif waqfet hu beżqilha.  Beda jgħidilha tneħħi l-Hijab li kellha.  Wara segwew il-kliem 'Go back home' . Beżgħet. Qabdet it-tifel u mxiet 'l quddiem. Kultant tħares warajha tara dak ir-raġel hux ġej warajha. Fi kliemha stess, 'kif sibt bank vojt waqaft u poġġejt bilqiegħda fuqu. Infqajt nibki".
Din l-esperjenza li għaddiet minnha Fatima ta' 25 sena (isem mibdul biex nipproteġu l-identit à tagħha) esprimietha f'intervista mal-ġurnal L-ORIZZONT waqt workshop intitolat 'Explorers' fil-Kavallier ta' San Ġakbu. It-tema tal-workshop kienet "Kitba Kreattiva".
Għalih attendew ammont ta' immigranti Afrikani li hawn f'pajjiżna flimkien ma' persuni oħra.  L-għan ta' l-attivit á kien li wara li ssir l-intervista dawk preżenti jikbu l-ħsibijiet tagħhom dwar dak li jkun intqal minn Fatima.
L-esperjenza kerha li għaddiet minnha Fatima qajmet diskussjoni sħiħa.  Familja Sudaniża, li huma stabbiliti f'Malta u li ilhom jgħixu hawn aktar minn 20 sena spjegaw kemm hu importanti li wieħed jitgħallem il-lingwa Maltija.
"Jien nisma' min ġieli jgħidli xi ħaġa u nifhimhom għax jien naf il-lingwa Maltija.  Kif inkellimhom lura jew nistaqsihom bil-pulit jekk qalx xi ħaġa lili, ovvjament nkellimhom bil-Malti, dawn mill-ewwel jgħiduli 'xejn xejn'", iddikjarat l-omm Sudaniża. Żewġha spjega li hu qatt ma kellu esperjenzi ta' rażżiżmu u lanqas ibnu, għalkemm enfasizza l-importanza tal-kommunikazzjoni permezz tal-lingwa.
Nistaqsu lil Fatima dwar x'iwassal biex persuni minn pajjiżi Afrikani jitilqu  jew jaħarbu minn pajjiżhom lejn l-Ewropa.
"In-nies jaħarbu minn pajjiżhom minħabba diversi raġunijiet.  Persekuzzjonijiet, dittaturi u gwerer. Jitilqu biex isibu kenn. Protezzjoni. Jitilqu biex ikollhom ċans ieħor biex jgħixu. Ħadd mhu se jpoġġi ħajtu jew ħajjet uliedu fil-periklu li joffri l-vjaġġ lejn l-Ewropa jew għal post iehor fejn jistgħu jingħataw protezzjoni, jekk ma jkunux f'sitwazzjoni ddisprata ta' ħajja jew mewt".
Ma' Fatima tkellimna dwar l-impotanza ta' ilma tajjeb u nadif, kemm għal dawk li jkunu qed jgħixu fil-pajjiżi Afrikani, kif ukoll waqt il-vjaġġi lejn l-Ewropa speċjalment fid-deżert tas-Sahara.
Tgħid ċar u tond li "l-ilma hu importanti ħafna. Bla ilma m'hemmx ħajja. Il-vjaġġ lejn l-Ewropa hu diffiċli. Waħda mir-raġunijiet għal dan hi in-nuqqas ta' ilma. Meta vvjaġġajt jien konna 50 persuna flimkien.  Kellna biss 2 litri ilma'".
Nistaqsuha jekk 2 litri ilma humiex għal kull persuna jew inkella għal ħamsin f'salt. "Żewġ litri ilma ma' ħamsin persuna.  Trid iżżomm f'moħħok il-klima sħuna tad-deżert. Dan ma kienx biżżejjed. Jekk titlob għal aktar ilma trid tħallas sew għalih lil dawk li jkunu qed jorganiżżaw il-vjaġġ. Rajt persuni jitkarrbu u jibku għall-ilma. Rajt nies imutu il-għatx fil-vjaġġ. Jekk tkun mara u titlob l-ilma ħafna drabi jabbużaw minnek sesswalment biex ituk l-ilma."
Dwar il-vjaġġ Fatima tgħidilna li "l-vjaġġ lejn il-Libja hu riskjuż ħafna speċjalment għan-nisa. Tispiċċa abbużata mid-drittijiet tiegħek. Tkun litteralment f'idejn dawk il-persuni li qed jorganizzaw il-vjaġġ.  In-nisa speċjalment dawk li jivvjaġġaw waħidhom jgħaddu minn ħafna abbużi  u anke torturi. Naf nisa li ilhom ħames snin f'ħabs fil-Libja. Dawn lanqas jafu għaliex qed jinżammu hemm."
Titkellem dwar il-ħajja f'Malta u tgħidilna li 'l-ħajja hawn mhix faċli.  Imma ħafna aħjar mis-sitwazzjoni ta' fejn konna ngħixu. F'Malta nħossuna siguri.  Inħossu li jista' jkollna ħajja f'Malta. Ġejna hawn għax kellna ħafna problemi f'pajjiżna. Ma kellniex għażla. Ridna it-tieni ċans biex ngħixu."
Fatima tiddikjara li "l-Maltin b'mod ġenerali huma nies li jilqgħuk. Hawn imbagħad nies oħrajn li jagħmlu l-affarijiet diffiċli. Hemm it-trasport pubbliku. Inkun waħdi fuq stejġ nagħmel sinjal u ma jwaqqfulix. Jew niġi biex nirkeb u tingħalaq il-biebha. Malta imma  hi t-tieni dar tiegħi."
Fid-diskussjoni li qamet ma naqasx intervent minn immigrant iehor dwar is-salvataġġ mill-Forzi Armati Maltin u l-messaġġ li ngħata lis-soċjetà meta hu daħal l-isptar.  "Ħarġu għalina u salvawna. Grati ħafna lejn dan is-salvataġġ mill-Forzi Armati Maltin. Imma mbagħad spiċċajt fil-ħabs. Id-detenzjoni hi ħabs. Issa l-politika inbidlet u mhux se tibqa' ssir. Kelli bżonn nidħol għal intervent l-isptar. Ħaduni b'idejja immanettjati. Fis-sodda anki saqajja kelli mmanettjati. Għaliex iseħħ dan? Il-messaġġ lil dawk li għaddej min ħdejja l-isptar kien li jien xi kriminal".

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home