'Pjan inuman' bejn l-UE u t-Turkija...tinbeda petizzjoni
Il-pjan li ġie diskuss bejn il-mexxejja tal-Istati tal-Unjoni Ewropea kmieni din il-ġimgħa qed ikun kritikat b'qawwa kbira minn għadd kbir ta' organizazzjonijiet u għaqdiet umanitarji. Il-UNHCR, Amnesty International u anke Parlamentari Ewropej ikkritikaw dan il-pjan u ddeskrivewh bħala inuman. Dan għax mhux biss se jkompli jibni l-ħitan mal-fruntieri imma anke jasal biex jagħmel tpartit bejn nies umani f'sens li għal kull immigrant li l-Ewropa tieħu minn kampjiet ta' refuġjati fit-Turkija, l-istess Turkija mbagħad trid tieħu l-istess ammont ta' immigranti li qegħdin fil-fruntiera mal-Greċja.
Dan il-pjan irid jiġi approvat f'summit ieħor li se jsir bejn nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa li ġejjin. Fost organizazzjonijiet umanitarji bdiet tinġabar petizzjoni biex dan il-pjan jitwaqqaf u biex finalment l-Unjoni Ewropea toffri passaġġ siġur lill-immigranti.
Il-petizzjoni tgħid li "fis-27 ta' Frar ta' din is-sena, ċittadini minn 32 pajjjiż fl-Ewropa u minn madwar id-dinja, semmgħu leħinhom dwar id-drittijiet tar-refuġjati taħt l-għajta ta' 'safe passage'. Fis-7 ta' Marzu l-mexxejja Ewropej iltaqgħu bejniethom u mat-Turkija u ħejjew pjan li jrid jiġi diskuss l-ġimgħa d-dieħla. Qegħdin insejħu lill-gvernijiet Ewropej biex jgħixu l-valuri Ewropej tad-dinjità umana, jirrispettaw il-liġijiet internazzjonali u fuq kollox biex jagħmlu politika umana. Il-petizzjoni qed tgħid li dan il-pjan qed jikser il-liġijiet internazzjonali.
Il-petizzjoni titlob li l-fruntieri tal-pajjiżi Ewropej jibqgħu miftuħin, u li jkun hemm garanzija ta' aċċess għall-persuni bi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali. Il-petizzjoni qed titlob ukoll li tkun segwita l-liġi Ewropea u Internazzjonali fosthom il-Konvenzjoni ta' Ġinevra, il-prinċipju li immigranti ma jintbagħtux lura u d-direttivi dwar l-ażil. L-istess petizzjoni qed titlob li tiġi proċessata kull talba ta' ażil bla diskriminazzjoni u li ma jsirux push backs lejn it-Turkija. Il-petizzjoni qed titlob ukoll li dawk li qed ifittxu ażil u li huma maqbudin fil-Greċja għandhom jitqassmu fil-pajjiżi l-oħra Ewropej.
Il-petizzjoni tgħid li "din mhix kriżi ta' refuġjati. Din hi kriżi umanitarja fejn fin-nofs hemm il-valuri Ewropej. L-Ewropa għandha l-mezzi biex tgħin lil dawn in-nies u aħna qed insejħu lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati membri biex jimxu fuq il-valuri Ewropej tad-dinjjità umana u tad-drittijiet tal-bniedem.
Ta' min jgħid li l-Kummissarju għad-Drittijiet Umani tan-Nazzjonijiet Uniti, Zeid Ra'ad Al Hussein iddeskrivi partijiet mill-pjan bħala li qed jiksru l-liġi internazzjonali. "Restrizzjonijiet fil-fruntieri li ma jippermettux li jkunu determinati ċ-ċirkostanzi ta' kull individwu, iwasslu għa ksur tal-liġijiet Ewropej u Internazzjonali".
Il-Membru Parlamentari Ewropea Ska Keller mill-Grupp tal-Green/Europe Free Alliance, iddikjarat li "dan il-pjan qed jikser il-liġi Ewropea. Hu tal-mistħija u ma nistax nifhem kif nistgħu nmorru norqdu bil-kwiet wara li sar dan il-pjan".
Min irid jiffirma l-petizzjoni jista' jagħmel dan f'din il-link.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home