Fil-Mużew tal-Istorja Naturali…..
Tfal Maltin ippreferew ipinġu l-għasafar…
……il-barranin ipinġu mammali
Wieħed mill-mużewijiet li ħafna tfal ikunu jixtiequ jżuru hu dak tal-Istorka Naturali fl-Imdina. Id-dehra ta' annimali u għasafar li hemm ibbalzmati flimkien ma' insetti u friefet, iħallu ċerta influwenza fuq it-tfal. Minn riċerka li għadha kif saret fost studenti tar-raba' sena tal-iskola Primarja tar-Rabat kemm fil-klassi kif ukoll f'sessjonijiet fil-mużew ħareġ li l-mużew affettwa it-tpinġijiet ta' uħud mit-tfal aktar minn oħrajn. Irriżulta li t-tfal Maltin kuntrarju għal tfal barranin, ippreferew li jpinġu l-għasafar. Fil-Mużew tal-Istorja Naturali hemm kollezzjoni ta' għasafar ibbalzmati li jpassu minn fuq Malta.
F'din ir-riċerka ħadet seħem l-Iskola Primarja tar-Rabat. Ir-riċerka saret minn Dr. Edward Mifsud, li għamel ir-riċerka għal PhD. It-titlu tar-riċerka kien "The Visualisation of Natural History Museum Habitat Dioramas". F'din ir-riċerka l-istudenti kellhom ipinġu dak li hu innotaw fid-dioramas (esebiti) tal-mużew u dak li pinġew ġie analizzat.
Mill-konklużjoni tar-riċerka ħareġ li "din ir-riċerka hi waħda mill-ftit riċerki li saru barra mill-iskola f'Malta u l-ewwel waħda dwar diorami u l-potenzjal tagħhom fl-edukazzjoni bioloġika. Hi wkoll l-ewwel riċerka fuq il-potenzjal ta' dawn id-diorami bħala mudelli bioloġiċi għal interpretazzjoni ta' annimali u pjanti. Is-sors prinċipali tal-informazzjoni kienu tpinġijiet li minnhom ħarġu temi komuni li juru li l-istudenti jużaw t-tagħrif li diġa jkollhom biex jagħmlu sens mid-diorama li jara. Hemm preferenza ċara lejn l-għasafar fit-tfal Maltin forsi minħabba l-fatt li Malta għandha kultura antika u b'saħħitha ta' kaċċa u nsib. L-importanza tal-għasafar hija murija ċara fid-data miksuba u dan għax l-għasafar kienu l-aktar annimali impinġija fi tlett tpinġijiet. Dan ivarja minn dak li jiġi rappurtat f'pajjiżi oħra fejn il-mammali huma normalment l-annimali preferuti. Il-preferenza ta 'diorami li fihom għasafar itiru hija influwenzata minn tagħrif qabel dan ix-xogħol u l-kultura. It-tfal donnhom jippreferu wkoll speċi ta annimali lokali aktar millli speci eżotiċi barranin - fatt li ma jaqbilx ma informazzjoni miksuba minn pajjiżi oħra. Fejn jidħlu siġar, il-preferenzi huma lejn dawk tal-frott bħal tuffieħ, larinġ u ċirasa. Hemm preferenza ċara għal annimali fuq is-siġar."
Jirriżulta ukoll li "l-mużew affettwa it-tpinġijiet ta uħud mit-tfal aktar minn oħrajn. Xi studenti kellhom regress fil-kwalità tat-tpinġija ġewwa l-mużew meta mqabbla ma' dik tal-klassi. Fil-mużew it-tfal ippreferew ipinġu aktar għasafar minn mammali meta mqabbel ma dak li pinġew fil-klassi. Għal kważi nofs it-tfal id-diorami kellhom impatt pożittiv billi ippreżentaw annimali u pjanti impinġija proporzjonalment aħjar u wrew taħlit ekoloġiku. Madankollu kien hemm studenti li ma kinux affetwati u saħansitra urew rigress. Il-maġġoranza tat-tfal jidher li jinterpretaw id-diorama mill-lenti ta tagħrif miġbur qabel. Għalhekk dak li jagħżlu jirrapreżenta dak li kienu jafu diġa. Diorami li huma marbuta ma' ambjent familjari jew ifakkru f'tagħrif preċedenti, għandhom ċans aktar li jiġbdu l-attenzjoni u l-ħin li jdumu jarawhom. B'hekk it-tfal jakkomodaw tagħrif ġdid u jibdlu dak li diġa jafu."
Minn L-ORIZZO|NT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home