Wednesday, March 16, 2016




Palazz 'Beppe' fiċ-ċentru ta' skandlu

Wara li mill-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista issemma kif kienu se jinħarġu dettalji dwar kif il-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech  Adami sar miljunarju kbir, L-ORIZZONT illum qed jgħid li jinsab infurmat li dan jirrigwarda l-palazz li l-istess Beppe Fenech Adami għandu fil-Għargħur.
L-ORIZZONT jgħid li din hija binja ta' kobor enormi b'pixxina kbira u bi ġnien kbir, li dwarha hemm fatti li jistonaw bil-kbir u li żgur li jimmeritaw spjegazzjonijiet mill-istess Beppe Fenech Adami. Skont il-ġurnal, il-binja tistona sew mad-djar li hemm fil-viċinanzi u se tkun qed titfa' dawl ġdid ta' kif Beppe Fenech Adami allegatament sar miljunarju.
Kollox qed jindika li madwar din il-binja hemm allegat skandlu sħiħ, li dwaru ilhom jagħmlu mistoqsijiet residenti li joqgħodu fl-istess inħawi, ikompli L-ORIZZONT.
F'rapport li xxandar ilbieraħ fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista intqal li se jkunu żvelata dettalji ta' kif il-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami sar miljunarju kbir. 
Ir-rapport kien jgħid li Beppe Fenech Adami sar miljunarju kbir bis-saħħa ta' deċiżjonijiet  dubjużi u li jqanqlu suspetti ta' allegati abbużi fi żmien amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
Intqal li f'dan l-iskandlu kbir li fiċ-ċentru tiegħu mhux biss hemm Beppe Fenech Adami, iżda hemm persuni oħra li okkupaw uħud mill-ogħla karigi fil-pajjiż, b'uħud minnhom għadhom fid-dinja politika sal-lum. 
Fir-rapport intqal li l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, jiddikjara li għandu miljun ewro fi flus kontanti u bonds. Biss fil-verità ġidu hu stmat li jiswa ferm aktar minn hekk. Fl-aħħar jiem, Beppe Fenech Adami kien sfidat aktar minn darba biex joqgħod għal tax audit, iżda sa issa hu għadu ma aċċettax din l-istedina.

Beppe Fenech Adami jirreaġixxi
għar-rapport ta' L-ORIZZONT
Wara r-rapport ta' L-ORIZZONT tal-bieraħ, Beppe Fenech Adami permezz tal-avukati GVTH, bagħat ittra b'risposta lil dan il-ġurnal. Fiha qal li "nikteb għan-nom tal-Onorevoli Beppe Fenech Adami u nagħmel riferenza għall-pubblikat fil-ħarġa ta' L-ORIZZONT tas-16 ta' Marzu 2016 bit-titolu 'Palazz Beppe f'nofs skandlu' - liema storja hi riprodotta fin-news portal 'inewsmalta.com'.
Fl-ittra ntqal li "skont il-liġi tal-istampa qed formalment tintalab illi tippubblika fil-ġurnal tiegħek fit-terminu stabbilit fil-liġi din it-tweġiba għal dak li nkiteb fl-imsemmi artikolu kif ukoll fin-news portal tiegħek".
Intqal li "b'riferenza għal dak li ngħata fl-artikolu pubblikat fil-faċċata ta' l-Orizzont, l-Onorevoli Beppe Fenech Adami jinfurmak illi hu xtara d-dar tiegħu flimkien ma' 1,124 metru kwadru ta' art magħha fit-18 ta' Ottubru 1994 mingħand koppja li dakinhar kien jgħixu fid-dar imsemmija fil-Għargħur u li sussegwentament emigraw lejn l-Awstralja. Din id-dar inxtrat mill-Onorevoli Beppe Fenech Adami flimkien ma' dik li llum hi  l-mara tiegħu kważi 22 sena ilu, qabel ma żżewġu u 14-il sena qabel ma' sar Membru Parlamentari.  Sabiex inxtrat din id-dar, l-Onorevoli Fenech Adami u martu kien ħadu self minn bank illum privat u sa llum dan is-self għadu qed jitħallas.  Sussegwentament l-Onorevoli Fenech Adami u martu xtraw porzjon ta' art li tmiss mal-art tal-imsemmija dar u dan permezz ta' kuntratt datat 8 ta' Settembru 2003 (1/3 indiviż) u ieħor fl-1 ta' Marzu 2005 (2/3 indiviż) - cioe snin qabel ukoll ma sar Membru Parlamentari.  Dawn huma id-dettalji kollha ta' kif din il-binja deskritta mill-ġurnal bħala 'ta' kobor enormi' nxtrat mill-Onorevoli Beppe Fenech Adami u martu. L-Onorevoli Beppe Fenech Adami jinforma lill-qarrejja tiegħek illi hu ddikjara din il-proprjetà fid-dikjarazzjonijiet tal-assi f'kull sena li ilu membru Parlamentari.  L-Onorevoli Beppe Fenech Adami jfakkar li dan l-hekk imsejjaħ 'skandlu b'deċiżjonijiet dubjużi' mhu xejn għajr storja riċiklata li l-medja tal-Partit Laburista għamlet lura fis-sena 2006, jiġifieri għaxar snin ilu, u li anke dakinhar ġew miċħudin".
Tenna li "nitolbok li tippubblika din id-dikjarazzjoni fil-gazzetta l-Orizzont fit-terminu stabbilit mil-liġi kif ukoll fin-newsportal inewsmalta.com.  Il-klijent tiegħi jirriserva kull dritt ieħor li tagħtih il-liġi", temm jgħid l-avukat Joe Zammit Maempel.
Minn L-ORIZZONT

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home