Sunday, March 20, 2016



Eċċezzjoni għal
Palazz Beppe

Il-Palazz ta' Beppe Fenech Adami li jinsab fil-Għargħur iħares fuq il-wied pittoresk ta' Wied id-Dis, kien spiċċa saritlu applikazzjoni mill-Awtorita għall-Ambjent u Ippjanar (MEPA) stess. Dan biex ikun kunsidrat li fil-binja jkun jista' jsirilha semi basement u t-tielet sular.  Għadd ta' proprjetajiet oħra ma kienx ġie approvat żvilupp lilhom fosthom fl-istess żona anki wara li applikatilhom il-MEPA. Dokument li għandu f'idejh L-ORIZZONT juri li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Gonzi stess kien approva li l-binja li tappartjeni lil Beppe ikun jista' jsirilha semi basement u t-tielet sular.  Din l-approvazzjoni  saret fit-13 ta' Ottubru tas-sena 2008. Ħames ijiem qabel l-istess Prim Ministru Gonzi f'ittra liċ-Ċermen tal-MEPA ta' dakinhar kien  qal li hi x-xewqa tal-Gvern kienet li "f'siti fejn diġa għandhom forma ta' żvilupp fihom, speċjalment fejn dawn huma biżżejjed biex jagħtu minnufih karattru lit-triq, ma nħossx li jkun il-każ li l-għoli tal-bini jiżdied". It-talba fuq il-Palazz ta' Beppe kienet l-unika waħda aċċettata.
L-aħbarijiet tal-istazzjon tal-Partit Laburista, ONE News, lbieraħ żvelaw kif minn żewġ kmamar f'għalqa, spiċċat inbniet din il-binja li mhi xejn għajr Palazz.
Il-mod kif inħarġet approvazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru Gonzi għat-tielet sular, qed iqajjem mistoqsijiet kbar u li sa issa għad m'hemmx tweġiba għalihom. Fost dawn hemm dik ta' għaliex il-Palazz ta' Beppe ingħata li jibni t-tielet sular meta l-bini fl-istess żona hu ta' żewġ sulari.  Il-mistoqsija li tqum hi għaliex din il-binja ġiet trattata b'mod differenti minn binjiet oħrajn?  X'kienet ir-raġuni li l-Gvern wasal għal dik id-deċiżjoni?  Sa issa dawn huma mistoqsijiet li tweġiba dwarhom għad m'hemmx.
L-iskandlu marbut
ma' Palazz Beppe
L-iskandlu marbut ma' waħda mis-seba' proprjetajiet  li għandu l-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, hu dak li minn żewġt ikmamar fir-raba' dawn spiċċaw għall-palazz.  Hu stmat li din il-proprjetà llum għandha valur li jaqbeż il-€5 miljun.  Minn riċerka li saret jirriżulta li kien hemm żewġ okkażjonijiet fejn b'daqqa' ta' pinna minn Gvern Nazzjonalista, il-palazz ta' Beppe Fenech Adami sar għandu l-valur ta' llum.  Id-deċiżjonijiet kienu ttieħdu mill-Gvern immexxi minn Dr Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru.
Ilbieraħ l-istazzjon tal-Partit Laburista żvela li bejn l-1988, u l-bidu tas-snin disgħin, kienet bdiet tinbena din id-dar, li llum hi l-palazz ta' Beppe Fenech Adami.  Dan minflok żewġ kmamar li kien hemm.  Minn tagħrif li nħareġ jirrriżulta li l-ewwel permess fuq il-post kien fl-1994.  Il-permess kien biex jinbnew mill-ġdid żewġ kmamar rurali.  Dan il-permess kien intalab fuq art barra miż-żona ta' żvilupp.  Xejn inqas minn erba' snin wara, talab biex jestendi u jibni pixxina.  F'kull wieħed minn dawn il-permessi dejjem indika li ma kienx hemm permessi qabel l-1994, anke jekk id-dar kienet diġa mibnija. Il-permess għall-pixxina nħareġ fl-1999. Din kienet id-data meta reġa' tela' Gvern Nazzjonalista.  Mhux biss bena pixxina akbar minn dik li għandu permess għaliha, iżda bena 'pool deck' ta' seba' mitt metru kwadru jiġifieri tlett kwarti ta' tomna.   Dan meta skont il-policy ta' ODZ, din ma tistax tkun akbar minn mitt metru kwadru. Imbagħad kien fis-sena 2006 li ttieħdet deċiżjoni li finalment wasslet biex il-proprjetà ta' Beppe Fenech Adami splodiet fil-valur. Dan għax il-Gvern Nazzjonalista kien daħħal din il-proprjetà fiż-żona għall-iżvilupp.
Minkejja dan, kien hemm deċiżjoni oħra li wasslet biex permezz tagħha l-proprjetà ta' Beppe Fenech Adami kompliet tikber għal dik li hi llum.  Dan għax fis-sena 2007, l-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) applikat hi stess biex il-Palazz ta' Beppe Fenech Adami kważi irdoppja fil-kobor tiegħu. Dan sar b'żieda ta' tlett sulari u semi basement.  Il-MEPA applikat għal dan fuq xi proprjetajiet oħra.
Imma il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, f'ittra datata Ottubru 2008, ċaħad it-talbiet tal-MEPA u ġab l-argument li dawn imorru kontra d-deċiżjoni tal-Gvern.   Biss, għal raġunijiet li għadhom mhux magħrufa u stabbiliti, m'għamiltx l-istess għall-proprjetà ta' Beppe Fenech Adami. It-talba fuq il-palazz tiegħu kienet l-unika waħda aċċettata.  Filfatt fit-13 ta' Ottubru 2008, Lawrence Gonzi kiteb uffiċjalment biex jikkonferma din id-deċiżjoni.  Ta' min jgħid li tmien xhur qabel, Beppe Fenech Adami kien diġa applika biex jagħmel ix-xogħol. Ġimgħatejn wara l-ittra ta' Gonzi l-MEPA tat il-permess aħħari.
Beppe Fenech Adami jirreaġixxi
għar-rapport ta' L-ORIZZONT
Wara r-rapport ta' L-ORIZZONT tal-bieraħ, Beppe Fenech Adami permezz tal-avukati GVTH, bagħat ittra b'risposta lil dan il-ġurnal. Fiha qal li "nikteb għan-nom tal-Onorevoli Beppe Fenech Adami u nagħmel riferenza għall-pubblikat fil-ħarġa ta' L-ORIZZONT tas-16 ta' Marzu 2016 bit-titolu 'Palazz Beppe f'nofs skandlu' - liema storja hi riprodotta fin-news portal 'inewsmalta.com'.
Fl-ittra ntqal li "skont il-liġi tal-istampa qed formalment tintalab illi tippubblika fil-ġurnal tiegħek fit-terminu stabbilit fil-liġi din it-tweġiba għal dak li nkiteb fl-imsemmi artikolu kif ukoll fin-news portal tiegħek".
Intqal li "b'riferenza għal dak li ngħata fl-artikolu pubblikat fil-faċċata ta' l-Orizzont, l-Onorevoli Beppe Fenech Adami jinfurmak illi hu xtara d-dar tiegħu flimkien ma' 1,124 metru kwadru ta' art magħha fit-18 ta' Ottubru 1994 mingħand koppja li dakinhar kien jgħixu fid-dar imsemmija fil-Għargħur u li sussegwentament emigraw lejn l-Awstralja. Din id-dar inxtrat mill-Onorevoli Beppe Fenech Adami flimkien ma' dik li llum hi  l-mara tiegħu kważi 22 sena ilu, qabel ma żżewġu u 14-il sena qabel ma' sar Membru Parlamentari.  Sabiex inxtrat din id-dar, l-Onorevoli Fenech Adami u martu kien ħadu self minn bank illum privat u sa llum dan is-self għadu qed jitħallas.  Sussegwentament l-Onorevoli Fenech Adami u martu xtraw porzjon ta' art li tmiss mal-art tal-imsemmija dar u dan permezz ta' kuntratt datat 8 ta' Settembru 2003 (1/3 indiviż) u ieħor fl-1 ta' Marzu 2005 (2/3 indiviż) - cioe snin qabel ukoll ma sar Membru Parlamentari.  Dawn huma id-dettalji kollha ta' kif din il-binja deskritta mill-ġurnal bħala 'ta' kobor enormi' nxtrat mill-Onorevoli Beppe Fenech Adami u martu. L-Onorevoli Beppe Fenech Adami jinforma lill-qarrejja tiegħek illi hu ddikjara din il-proprjetà fid-dikjarazzjonijiet tal-assi f'kull sena li ilu membru Parlamentari.  L-Onorevoli Beppe Fenech Adami jfakkar li dan l-hekk imsejjaħ 'skandlu b'deċiżjonijiet dubjużi' mhu xejn għajr storja riċiklata li l-medja tal-Partit Laburista għamlet lura fis-sena 2006, jiġifieri għaxar snin ilu, u li anke dakinhar ġew miċħudin".
Tenna li "nitolbok li tippubblika din id-dikjarazzjoni fil-gazzetta l-Orizzont fit-terminu stabbilit mil-liġi kif ukoll fin-newsportal inewsmalta.com.  Il-klijent tiegħi jirriserva kull dritt ieħor li tagħtih il-liġi", temm jgħid l-avukat Joe Zammit Maempel.
Nota
Ta'  min jgħid li Beppe Fenech Adami fir-risposta tiegħu waqt li  ma jsemmi xejn fuq kif il-binja ddaħħlet fiż-żona ta' żvilupp, qed jikkonferma li xtara din il-proprjetà meta kien għadu kif iggradwa mill-Università.


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home