'Ipokrezija minn Beppe Fenech Adami'
- Joseph Muscat
Il-kwistjoni marbuta ma' Palazz Beppe fuq ir-riħ ta' Wied id-Dis, f'Ħal Għargħur, issemmiet mill-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu. Hu sejjaħ dan il-każ bħala l-ipokrezija ta' Beppe Fenech Adami u dan għax waqt li kien mar jipprotesta kontra proġett tal-Gvern li se joħloq il-ġid, hu għandu proprjetà b'ħafna illegalitajiet.
F'diskors f'Ħad-Dingli, il-Prim Ministru saħaq li, "Irridu nesponu ipokrezija bħal dik li rajna din il-ġimgħa. Din hi inkredibbli. Kieku qiegħed fis-sitwazzjoni ta' Beppe Fench Adami ma niftaħx ħalqi. Kellu art kbira li kienet barra miż-żona tal-iżvilupp. 700 metru kwadru. Dan kien ODZ u meta xi ħadd kien qed ipinġi l-linji, din daħħluha fl-iskema.
"Il-Kabinett kien qal li fejn iħares fuq Wied id-Dis, ħadd ma jista' jibni aktar minn żewġ sulari. Tlett ijiem wara li l-Kabinett qal li ħadd ma jista' jibni aktar minn żewġ sulari, qalu b'eċċezzjoni waħda - dik ta' Beppe Fenech Adami. L-eċċezzjoni saret mill-MEPA stess. Mela kulħadd ma jistax jibni aktar minn żewġ sulari ħlief Beppe Fenech Adami. Għalhekk il-valur tal-proprjetà sploda.
"L-esperti qed jgħiduli li l-illegalitajiet li hemm ma jistgħux jiġu sanzjonati. Jien ngħidlu trid veru tkun ipokrita biex titkellem b'dan il-mod fuq Gvern li kien qed jagħmel proġett għall-pajjiż kollu, u lilek daħħluhielek proprjetà fiż-żona tal-iżvilupp. Lil Simon Busuttil nawguralu għal għeluq snin u ngħidulhom jixtrulu arloġġ għax dan kien qal li min jinqabad f'xi ħaġa lanqas minuta ma jdum," qal il-Prim Ministru filwaqt li tenna li l-arloġġ issa ilu għaddej ħafna aktar minn minuta mindu tfaċċa dan il-każ.
Tkellem ukoll dwar xi jfisser it-tkabbir ta' 6.3 fil-mija fl-ekonomija. Qal li, "Dan ifisser li l-ġid li taħt il-Gvern l-ieħor kien jinħloq fi tliet snin, taħt Gvern Laburista inħoloq f'sena waħda biss. Immaġinaw ġenituri jaħdmu li paga ta' tliet snin jeħduha f'sena. Hekk għamel pajjiżna. Dan meta l-għan tagħna kien li t-tkabbir tal-ekonomija ikun ta' 4 fil-mija. Dan hu Gvern li ra l-potenzjal enormi li għandha l-ekonomija u lil dan il-potenzjal qed itih aktar biex jaħdem. Dan hu Gvern li hu 'pro business'. Se nkompli nibgħat sinjal lill-investituri Maltin u barranin li hu miftuħ għal kull min hu ta' rieda tajba. Dan għax meta nkabbru l-ekonomija b'dan il-mod nistgħu nagħtu l-frott lin-nies."
Kompla jgħid li, "Din il-ġimgħa iltqajna bi Brussell u għedt li għalxejn nitkellmu fuq il-ġid jekk ma noħolquhx. Il-familji jaraw dak li għandhom u jaraw kif ikabbruh. Għalhekk l-istint tal-omm u l-missier li joħorġu jaħdmu. Għalhekk dan il-Gvern għamel 'child care' bla ħlas. B'hekk lil uliedek ma tħallihom neqsin minn xejn. Dan il-Gvern irid li joħloq il-ġid biex il-poplu ma jkun nieqes minn xejn", sostna Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li, "Aħna m'aħniex moviment li se nikkastigaw lil min hu bieżel u lil min ħadem. Se ngħinu l-aktar lil dawk li huma fil-bżonn. Dan hu l-mod kif qegħdin naġixxu. It-temperatura tal-ekonomija hi waħda - ix-xogħol. Jekk m'għandekx il-qgħad nieżel u f'livell baxxi m'għandek xejn. Il-qgħad niżżilnieh għal 5,000 persuna u l-għan tagħna hu li fis-sentejn li ġejjin dan jibqa' f'dan il-livell.
"Issa li nħoloq aktar xogħol, bdejna nitkellmu fuq affarijiet sensittivi u bdejna naqtgħu l-prekarjat minn mal-Gvern. M'iniex kuntent bis-sitwazzjoni fejn bi skuża li għax barranin jagħmlu xogħol b'irħas, jiġu impjegati barranin. Waħda mill-viżjonijiet fis-snin sebgħin ta' Mintoff kienet li joħloq xogħol għal biżżejjed għal Maltin u anke għall-barranin. Wasalna qrib li jkun hawn xogħol għall-Maltin u l-barranin.
"Bdejna diskussjonijiet mal-lukandi. Bdejna naraw min jista' joffri xogħol lill-immigranti. Trid tispiċċa r-rawndebawt tal-Marsa, fejn tmur tgħaddi u tħallas kemm trid. Għandu jkun hemm drittijiet indaqs. Issa nitkellmu fuq drittijiet tax-xogħol kemm tal-Maltin u anke l-barranin u dan biex ma jġelldux ħaddiem ma' ieħor."
Tenna li, "Bla xogħol l-essenza ta' dan il-moviment tispiċċa. Irridu nagħfsu aktar fuq l-ugwaljanza. F'pajjiżi oħra kien hemm diskussjoni fuq id-differenza fil-pagi bejn mara u raġel għall-istess xogħol. Ma tagħmilx sens li mara titħallas inqas. Irridu li ma jkunx hemm differenza bejn paga ta' mara u raġel."
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sar periklu għax-xogħol u għall-klassi tan-nofs
"L-Oppożizzjoni l-mod ta' kif taħseb issa marret f'aġir distruttiv. Din issa saret periklu għall-investiment. Il-Kap tal-Oppożizzjoni sar periklu għax-xogħol u għall-klassi tan-nofs ta' pajjiżna. Ngħidlu li dan hu differenti għalkollox mill-mod ta' kif konna naħdmu aħna meta konna fl-Oppożizzjoni. Jien tgħallimt li jekk tagħmel ħsara jiġi f'wiċċek. Il-mentalità tagħna differenti u nieħdu gost meta nġab il-ġid għall-pajjiż. Ikun hem investituri li anke ffinanzjaw lill-Partit Nazzjonalista u jiġu jistaqsuni jekk hux se ngħinu għal xi proġett. Ngħidulhom li la se jinħoloq ix-xogħol u l-ġid, se ngħinuhom. Min għandu proġetti li se joħolqu l-ġid jiġi u nwettquhom."
"Illum għoġbu jattakka l-investiment għall-isptar t'Għawdex u ta' l-Isptar San Luqa. Bini mitluq f'dak li kien Sptar San Luqa, se nibdluh fi sptar aħjar mill-Isptar Mater Dei. F'Għawdex se jkollhom sptar ġdid u l-Gvern mhux se joħroġ xejn għax se jsiru mill-privat. Ftit ġimgħat ilu kien hemm miktub li l-Professur Albert Fenech se jiftaħ sptar ġdid f'Malta. Staqsejt u qaluli li dak hu l-isptar li se nagħmlu kuntratt magħhom u dawn kienu għażlu lill-Professur Fenech biex imexxih hu," qal Joseph Muscat.
Sostna li, "Jgħajruni li jien 'sales man'. Ma niddejjaqx b'dan u se nmur il-Libanu, il-Ġordan u miegħi se nieħu negozjanti Maltin u dan biex niftħulhom il-bibien. Se ndur fejn hemm bżonn biex inġib aktar xogħol u ġid. Lil Simon Busuttil staqsewh jekk jiltaqax mal-President tal-Azerbaijan u qal li hu jiltaqa'. Jien nistaqsih x'se jgħidlu. Jekk hux korrott? Jien niltaqa' ma' kull min irid jagħmel negozju f'Malta. Il-President Amerikan se jmur Kuba u allura għaliex Malta m'għandhiex tiftaħ għad-dinja kollha kemm hi?".
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home