Monday, March 21, 2016



L-aktar Mediterran niexef
f'900 sena


In-nixfa li qed tolqot il-Mediterran qed tiġi indikata bħala li hi l-agħar nixfa f'dawn l-aħħar 900 sena.   Dan skont riċerka li saret minn xjentisti mill-Geophysical Research Atmospheres.  Ir-riċerka saret fuq iz-zkuk tas-siġar li l-marki fuqhom juru l-mod kif kibru s-siġar u l-kundizzjonijiet marbutin max-xita.
In-nixfa qed tolqot ħażin għadd ta' setturi agrikoli u hi mifruxa tista' tgħid mal-Mediterran kollu u anke f'pajjiżi fl-Ewropa ta' Fuq.  Huma diversi xjentisti li qed iwissu li dan hu fenomenu marbut mal-klima.
Mir-riċerka li saret mill-Geophysical Research Atmospheres naraw li l-gżira ta' Ċipru u pajjiżi oħra fil-viċin fosthom Iżrael, il-Libanu, il-Palestina, is-Sirja u t-Turkija huma postijiet li ukoll qed jesperjenzaw in-nixfa.  Mir-riċerka li saret f'dawn il-pajjiżi jirriżulta li l-istaġun xitwi f'dawn il-pajjiżi kienu 50 fil-mija aktar niexef min dak li kien esperjenzat fir-reġjun fl-aħħar 500 sena.  Jekk imbagħad jittieħdu l-aħħar 900 sena, naraw li dan l-istaġun xitwi kien 20 fil-mija aktar xott.
Ir-riċerka li saret kienet qed tqabbel ir-riżultati minn zkuk ta' siġar f'dawn il-pajjiżi u dawn imbagħad tqabblu ma' sinjali fiz-zkuk ta' siġar fi Spanja, in-nofsinhar ta' Franza u l-Italja. B'hekk ġiet mibnija xejra tan-nixfiet li seħħew minn żmien għal żmien fil-Mediterran.
Mir-riċerka ħareġ li minkejja li kien hemm diversi snin ta' nixfa, bejn is-sena 1100 u 2012, iżda l-perjodu bejn is-sena 1998 u s-sena 2012 kien l-aktar wieħed niexef u bl-inqas xità f'dawn id-900 sena.
Ir-riċerka qed turi li kull meta kien hemm nixfa fil-Lvant tal-Mediterran, l-istess xejra ssegwi fil-Punent tal-Mediterran. Irriżulta ukoll li l-parti ta' fuq tal-Mediterran  għandha x-xejra li tbati minn nixfa meta pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq li qegħdin fin-naħa tal-lvant tal-Mediterran ikollhom ix-xita.
Ir-riċerka qed turi li din in-nixfa tista' tkun agħar minn tas-soltu minħabba l-gassijiet serra fl-atmosfera.
Minn L-ORIZZONT

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home