Sunday, March 20, 2016

Toni Bezzina jiddeskrivi l-każ ta' Beppe bħala 'xagħra fl-għajnejn' u 'tentufa żgħira'

Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina dalgħodu kkritika bl-aħarx lill-Gvern talli fi kliemu qed jipprova jaqbad mal-Oppożizzjoni fuq il-każ ta' Beppe Fenech Adami. “Dawn qed jippruvaw jaqbdu ma' dan il-każ li huwa xagħra fl-għajnejn, u mbagħad it-travi li għandhom f'għajnejhom ma humiex jarawhom. Imbagħad għalhekk tibda tifhem għaliex qed jagħmlu press conference kuljum. Qed jippruvaw jaqbdu ma' tentufa żgħira,” qal għal darba darbtejn il-Perit Toni Bezzina f'intervent li għamel fuq Radio 101 waqt l-analiżi tal-gazzetti.
Il-Perit Bezzina qal li n-nies illum huma intelliġenti u ħadd mhu jemmen li Konrad Mizzi fetaħ it-trust fil-Panama biex iħallih vojt.
“Inti anke meta tagħti karus lil xi tifel żgħir, ikun irid jimlieh. Anke Konrad Mizzi fetaħ il-karus biex jimlieh,” qal il-Perit Toni Bezzina.
Qal li l-poplu illum huwa intelliġenti, mhux bħalma kien fis-snin sebgħin u tmenin.
“Dak iż-żmien il-poplu ma kienx infurmat għaliex kienu jinħarqu l-gazzetti. Kien hemm in-nies jiġu msawta għaliex jaqraw gazzetta. Illum dan kollu nibidel. Imma l-Prim Ministru għadu jgħix fis-snin sebgħin u tmenin. Flus il-poplu donnhom saru tiegħu,” qal il-Perit Bezzina.
Huwa staqsa għaliex il-Prim Ministru tefa' s-saħħa u l-enerġija taħt l-istess Ministru. Qal li mill-Indipendenza 'l hawn dawn l-affarijiet qatt ma ġraw.
Żied jgħid li pajjiżna nħakem minn skandli kbar. “Kif taqbad il-gazzetti ħlief skandli ma ssibx. Min-naħa l-oħra, naħseb li l-poplu għandu apprezzament għax-xogħol siewi li qed jagħmel Simon Busuttil. Il-Kap tal-Partit qed jiltaqa' ma' ħafna nies. Jien u hu ġieli ltqajna fl-għelieqi mal-bdiewa,” qal il-Perit Bezzina.
Min-naħa l-oħra, huwa ddeskriva lill-Prim Ministru bħala manipulatur għaliex fi kliemu lagħab b'kulħadd. Qal li n-nomina ta' Toni Abela għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri kienet biss ħadma minn Joseph Muscat u Konrad Mizzi. Skont Bezzina, lil Abela, Konrad Mizzi u Joseph Muscat “dendlulu l-karrotta.”
minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home