L-akbar għarqa ta' immigranti fil-Mediterran sena ilu - Traġedja li intesiet…sirna insensittivi'
"Traġedja li intesiet. Sirna insensittivi. Aħna li nġabarna hawn qed ngħidu li le l-mewt tal-persuni hi xi ħaġa gravi speċjalment għax dawn kienu nies li għerqu fejn ħafna minnhom kienu għadhom fl-aqwa tal-ħajja li ħarbu minn gwerer u perskuzzjoni biex ifittxu ħajja aħjar".
Dan iddikjarah ma' inewsmalta.com, l-attivist Andre
Callus, fi tmiem attività li permezz tagħha diversi rappreżentanti ta'
għaqdiet mhux governattivi u persuni Afrikani imxew mill-Belt Valletta
lejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata fejn huma żaru l-oqbra li fihom jinsabu
midfunin l-24 immigrant li kienu iddaħħlu Malta minn dik li titqies
bħala waħda mill-akbar traġedji ta' għarqiet ta' immigranti
fil-Mediterran, liema traġedja seħħet f'April tas-sena li għaddiet.
Kuntrarjament għal sena ilu, meta fiċ-ċelebrazzjoni funebri kien hemm
għadd kbir ta' politiċi fl-ewwel filliera, dalgħodu ma kien hemm l-ebda
politiku preżenti f'din l-attività.
Fl-istess attività inġabru fondi biex issir plakka komemorattiva li
tfakkar lil dawk midfunin f'din il-partit taċ-ċimiterju. Jispikkaw
l-oqbra bla ebda identifikazzjoni jew plakka u dan hekk kif ħafna minn
dawk midfunin hemm huma persuni mhux magħrufin.
Andre Callus fil-kumment tiegħu sostna li "aħna grupp ta' individwi li
ħassejna l-importanza li nfakkru it-traġedja li seħħet is-sena li
għaddiet li fiha mietu madwar 850 persuna. F'għarqa waħda mietu dawn
in-nies kollha li kienu qed ippruvaw jsibu ħajja diċenti, spiċċat
intemmet hemm. Forsi għalina diffiċli nikkonċepixxu kif 850 persuna
jmutu f'daqqa waħda f'dgħajsa u b'mewta kerha bħal din. Din hi xi ħaġa
li qed tiġri l-ħin kollu. Fid-deżert u fil-baħar fl-aħħar snin mietu
madwar 20,000 persuna. Din hi traġedja li għaddejja u forsi lanqas
nistgħu nikkonċepixxu x'qed jiġri. L-ammont ta' nies li ġew hu messaġġ u
turija li l-ħajja tal-persuni kollha hi ugwali. Aħna fil-ħajja tagħna
rridu nħossu li kulħadd hu ugwali u mhemmx xi mewt inqas importanti minn
oħra. Dan għax aħna kollha umani".
Mistoqsi dwar jekk iħossx li t-traġedja ta' sena ilu diġa intesiet,
Andre Callus saħaq li "naħseb intesiet u mhux biss. U dan naħseb għax
tant drajna b'nies imutu fiċ-ċentru tal-Mediterran u f'rotot oħra, li
issa sirna insensittivi għalihom. Dan mhux għax aħna nies ħżiena imma
għax ma nibqgħux naraw bħal xi ħaġa gravi l-mewt ta' dawn il-persuni.
Aħna qed ngħidu li le l-mewt tal-persuni hi xi ħaġa gravi speċjalment
għax nies għerqu fejn ħafna minnhom kienu għadhom fl-aqwa tal-ħajja
tagħhom u dawn kienu qed jagħmlu sforz biex itejbu l-ħajja tagħhom."
Ta' min jgħid li dakinhar li seħħ il-funeral, inewsmalta.com kien
irrapporta dwar messaġġi li ntbagħtu minn ċittadini Maltin. Fost dawk
li spikkaw kien hemm il-messaġġ li kien jgħid: 'Għażiż ħija - oħti -
Jiddispjaċini li ma wasaltx Malta. Niskuża ruħi li xi wħud min ħuti
Maltin donnhomn ħadu pjaċir li ma wasaltx. Niskuża ruħi aktar għax xi
wħud ma apprezzawx ħajtek għax int iswed jew sewda. Żgur li mhux i-kaz
fejn qiegħed jew qiegħda issa għax il-Mulej iħobbok kif int. Nitolbok
iddur lejn il-Ħallieq li issa int qed tara u tgħidlu jgħinna biex
inżommu lil ħutek milli jegħrqu".
Ritratt: Roger Azzopardi
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home