Wednesday, May 4, 2016

Ebda deċiżjoni dwar tilqima ġdida li ssalva l-ħajja mill-Meninġite

Fl-aħħar snin f'Malta kien qed ikollna madwar għaxar każijiet fis-sena ta' Meninġite fost it-tfal. F'madwar 5 fil-mija tal-każijiet, din il-marda twassal għall-mewt, flimkien mal-fatt li dawk li jimirdu biha jistgħu jibqgħu jsofru minn problemi newroloġiċi bħal telf ta' smigħ.
Hawn diversi tobba tat-tfal f'pajjiżna li qed jittamaw li f''pajjiżna tidħol l-injezzjoni ġdida kontra l-Meninġite B. Sa ftit tas-snin ilu, kull meta kien hemm min tkellem dwar dan kienu qalulu li l-injezzjoni għadha qed tiġi ttestjata. Illum it-tilqima magħrufa bħala Bexsero hi liċenzjata. Biss f'pajjiżna għadha ma daħlitx.
Aħna infurmati, iżda, li bħalissa Malta qed tevalwa l-epidemoloġija tal-Meninġite f'Malta, fejn wara li jsir dan mistenni li pajjiżna jkun f'pożizzjoni li jirrakkomanda  l-pożizzjoni tiegħu dwar it-tilqima.
Tkellimna ma' diversi tobba ta' tfal li spjegawlna kif pajjiż li Malta timxi ħafna fuq dak li jagħmel - ir-Renju Unit - qed jagħti din l-injezzjoni bla ħlas lil trabi ta' inqas minn sena.  Għamilna kuntatt mal-Ministeru għas-Saħħa u staqsejniehom speċifikatament dwar l-injezzjoni Bexsero. Huma qalulna li, "Bexsero  hija tilqima kontra n-Neisseria meningitidis serogroup B. Fil-preżent din it-tilqima mhix preżenti f’pajjiżna. Kumitat għall-pariri fuq il-politika tat-tilqim qiegħed fil-preżent jevalwa l-epidemoloġija tal-meninġite f’Malta, biex ikun f’pożizzjoni u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar din it-tilqima."
Tabib li tkellem magħna qalilna li hu fatt illum li hawn pajjiżi li qed jagħtu l-Bexsero, fejn fost dawn hemm ir-Renju Unit. Kompla jispjega kif f'xi pajjiżi inkluż ir-Renju Unit qam moviment biex din l-injezzjoni ma tingħatax lil tfal biss ta' inqas minn sena, imma lil tfal minn 11-il sena 'l isfel. Tenna li din hi marda li mhix faċli tinduna biha mill-ewwel u li xi drabi jkollha effetti negattivi ħafna.
L-istess tabib spjegalna li hi injezzjoni li tiswa inqas minn £75 u li jridu jittieħdu tliet dożi għal protezzjoni sħiħa.  "Naħseb, u din mhix l-opinjoni tiegħi biss, li wasal iż-żmien li din l-injezzjoni tidħol f'pajjiżna. Għall-inqas tingħata lil dawk inqas minn sena," sostna l-istess tabib tat-tfal.
Sa issa t-tilqim kontra l-meninġite li jinsab fil-formularju tal-Gvern jilqa' kontra l-gruppi A, W135, Y u C.

minn l-orizzont



0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home