Wednesday, May 4, 2016

Il-waqfien ħesrem ta’ adozzjonijiet mill-Etjopja... esplorati possibilitajiet biex jintlaqgħu talbiet tal-Etjopjani

Il-kwistjoni dwar il-waqfien ħesrem ta’ adozzjonijiet mill-Etjopja, fejn f’temp ta’ ftit snin kienu adottati għadd ta’ tfal minn dan il-pajjiż minn orfanatrofju mmexxi minn sorijiet Maltin, jidher li qed tkun trattata bl-għan li forsi jkun hemm soluzzjoni fejn jirrigwarda t-talbiet li kienu għamlu l-awtoritajiet Etjopjani.
Sa ftit snin ilu, l-adozzjonijiet kienu jsiru prinċipalment minn tliet pajjiżi, li kienu r-Russja, il-Kambodja u l-Etjopja. Kemm l-Etjopja kif ukoll il-Kambodja kienu waqqfu l-adozzjonijiet. Fil-każ tal-Kambodja, għalkemm m’hemm ebda data indikata ta’ meta se jerġgħu jiftħu l-adozzjonijiet, jidher li fil-ġimgħat li ġejjin se jiġi ministru mill-Kambodja biex jiddiskuti dan. Fil-każ tal-Bulgarija bħalissa hemm diskussjonijiet għaddejjin biex tissolva problema dwar testijiet mediċi mitlubin mill-awtoritajiet Maltin. Se tinbeda wkoll ħidma għal adozzjonijiet mill-Filippini fejn hemm kuntatt li lest li jgħin lill-Gvern Malti dwar dan.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, George Vella, fi tweġiba Parlamentari għal mistoqsija tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis, qal li, “It-tema tal-adozzjonijiet ta’ tfal barranin minn koppji Maltin hija sensittiva ħafna u delikata. Għaldaqstant jien u l-Ministeru tiegħi nagħtu prijorità kbira lil dan l-aspett tal-ħidma bilaterali tagħna biex fejn hu possibli jiġu ffirmati trattati li joffru qafas legali u proċeduri li jirregolaw dan il-proċess. L-għan aħħari huwa li jiġi assigurat l-aħjar interess tat-tfal. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin iżomm kuntatt mal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali f’kull stadju ta’ din il-ħidma. In-negozjati dwar dawn it-trattati m’humiex sempliċi għax ħafna drabi wieħed irid jassigura li dan il-proċess ikun ħieles minn kull forma ta’ abbuż. Wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni wkoll aspetti kulturali u reliġjużi tal-pajjiż li miegħu nkunu qegħdin ninnegozjaw."
"Fis-sena 2014 ġie iffirmat Protokoll ta’ Koperazzjoni bejn id-dipartimenti rispettivi ta’ Malta u tal-Islovakkja. Dan il-Protokoll daħal fis-seħħ fl-istess sena. Fl-2015 bdejna l-proċess biex nirrevedu il-ftehim mal-Albanija, biex fi Frar ta’ din is-sena l-Ministru Michael Farrugia kellu laqgħat mal-Ministru Albaniż ikkonċernat. Huwa mistenni li t-trattat il-ġdid jkun ffirmat dalwaqt. Fit-3 ta’ Frar 2016, iffirmajt Ftehim ta’ Qafas ta’ Koperazzjoni mal-Kosovo fejn l-awtoritajiet tal-Kosovo ikkommettew ruħhom li jgħaddu pakkett ta’ informazzjoni dwar il-proċess u proċeduri ta’ adozzjoni ta’ tfal mill-Kosovo.”
Żied jgħid li, “Bħalissa l-Ministeru qiegħed jaħdem biex jintlaħaq ftehim dwar l-adozzjonijiet mill-Ghana. Fil-11 ta’ Settembru 2015, waqt l-ewwel sessjoni tal-Kummissjoni Konġunta Teknika ġiet diskussa wkoll koperazzjoni dwar l-adozzjonijiet tat-tfal. Malta għamlet numru ta’ mistoqsijiet fuq il-kwistjoni biex eventwalment tippreżenta abbozz ta’ ftehim dwar l-adozzjoni mill-Ghana. Għaddejjin taħdidiet u konsultazzjonijiet bil-għan li eventwalment jiġi ffirmat ftehim dwar l-adozzjonijiet mar-Russja. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jieħu kull okkażjoni biex jsemmi dan is-suġġett f’taħdidet tal-ogħla livell politiku kif ukoll dak tekniku anki permezz tal-Ambaxxata Maltija f’Moska.
"Il-Ministeru qed jgħarraf lill-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali bl-iżviluppi f’dan il-qasam. Il-Ministeru huwa nfurmat li anki fin-nuqqas ta’ Ftehim formali, kien hemm numru ta’ adozzjonijiet mir-Russja f’dawn l-aħħar snin. Rigward adozzjonijiet mill-Etjopja, peress li l-orfanatrofji ma jistgħux iservu bħala uffiċċji rappreżentattivi, qed nesploraw metodi oħra ta’ kif jista’ jkun possibili li naslu għal ftehim dwar adozzjoni ta’ tfal Etjopjani minn koppji Maltin. Il-Ministeru se jibqa’ jaħdem id f’id mal-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali biex tinstab soluzzjoni li tindirizza l-kundizjonijiet magħmula mill-awtoritajiet tal-Etjopja.”
Il-Ministru Vella qal ukoll li, “Qed tkun esplorata wkoll il-possibilità li jintlaħaq ftehim dwar l-adozzjoni ta’ tfal mill-Kambodja. Qegħdin nevalwaw l-aħjar prassi biex jiġi nnominat u akkreditat rappreżentant fil-kapitali Kambodjana għall-aġenżija Maltija. Diġà saru kuntatti mal-Ambaxxata tal-Kambodja ġewwa Pariġi u qed nistennew tweġiba mill-awtoritajiet tal-Kambodja. Apparti mill-ħidma biex jintlaħqu trattati dwar l-adozzjoni internazzjonali l-Ministeru jagħti diversi forom ta’ għajnuna prattika permezz ta’ legalizzazzjoni ta’ dokumenti, trasmissjoni ta’ dokumenti, faċilizzazzjoni ta’ komunikazzjoni, ħruġ ta’ viżi u assistenza konsolari ġenerali.”
Il-Ministru Michael Farrugia f’intervent li għamel semma li għaddejja ħidma għall-ftehim ta’ adozzjonijiet maċ-Ċilì, il-Vjetnam, l-Albanija u l-Polonja.

minn inewsmalta.com



0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home