Wednesday, May 4, 2016

'Staqsi lili kif tinqabeż fi promozzjoni, Sur Busuttil!'

L-allegazzjoni li saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li ħaddiem li kien ħaqqu promozzjoni ntalab jittessera mal-Partit Laburista - xi ħaġa li sa issa l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) qalet li m'għandha ebda indikazzjoni tagħha - wasslet għal reazzjoni minn diversi ħaddiema. Fost dawk li rreaġixxew kien hemm Raymond Tabone, ħaddiem tekniku mal-Gvern u li hu eks sindku Laburista fuq San Pawl il-Baħar.
F'kuntatt ma' inewsmalta.com Raymond Tabone qal li, "F'sena waħda lili ċaqilquni 34 darba taħt Gvern Nazzjonalista. Jien Malta dortha bit-transfers. Promozzjoni jkunu jridu tnejn u jien niġi t-tielet. Jew ikunu jridu wieħed u jien niġi t-tieni."
Fis-sit soċjali tiegħu, Tabone wieġeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni billi qal li, "Għax ma jiġix jistaqsi lili kemm-il darba nqbiżt fil-promozzjoni jiena? Kemm tħallejt ma nagħmel xejn? Kemm dejjem jibagħtuli l-ispetturi, ġieli tliet darbiet kuljum? Kemm ma nitpoġġiex fuq bordijiet tad-dipartiment għax Laburist? Kemm qlajt charges? Kemm ġejt ippersegwitat? Kemm ingħatajt transfers? Dort Malta. Kemm kont niġi injorat fid-deċiżjonijiet? Meta tħallejt bla skrivanija u siġġu f'uffiċċju. Meta kont niġi mhedded u ppersegwitat minn individwu Nazzjonalist għax jien Laburist fuq ix-xogħol. Meta ppruvaw iwaħħluhuli fuq gidba u jgħadduni qisni ġuri u jirrekordjaw il-proċess imma rbaħtilhom. Meta ħbewli fajl biex itellfuni milli nidħol għal kors l-Università. Meta ma kinux ituni trasport u jkolli nimxi biex indur il-lantijiet tax-xogħol. Meta tkun gradwat u tara nies, b'kull rispett lejhom, illitterati jilħqu f'postijiet u javvanzaw għax Nazzjonalisti ferventi. U tant affarijiet oħra, fosthom fejn ippruvaw iqabbduni dipressjoni biex ikissruni. Lili ejja staqsi, Sur Simon Busuttil, Kap tal-Oppozizzjoni!"
minn inewsmalta.com





0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home