Sunday, May 15, 2016



Erba' oqbra aktarx puniċi jinstabu fit-triq tal-Baħrija

Xogħlijiet li nbdew ftit tal-jiem ilu fit-triq li mir-Rabat tagħti lejn il-Baħrija wasslu biex instabu erba' oqbra. Sa issa għadu għaddej il-proċess ta' investigazzjoni ta' dawn l-oqbra, imma kollox qed jindika li dawn huma oqbra puniċi, għalkemm għad iridu jsiru aktar analiżi biex ikun konfermat dan. Fuq il-post inkixfu wkoll għadd ta' kanali tal-ilma. Jidher li mill-iskavar li qed isir bħalissa, instabu biċċiet tal-fuħħar u għadd ta' għadam. inewsmalta.com mar fuq il-post fejn stajna naraw li x-xogħol kien wieqaf.  F'linja kważi dritta stajna naraw dawn l-oqbra wieħed wara l-iehor, b'wieħed minnhom jidher li hu akbar sew mill-oħrajn.
Sa issa għadu mhux magħruf kif dawn is-sejbiet se jaffettwaw ix-xogħol li għaddej f'din it-triq u li permezz tiegħu l-Baħrija se tingħaqad mas-sistema tad-drenaġġ. Peress li l-fdalijiet misjuba jinsabu eżattament f'nofs it-triq, mhux magħruf jekk dawn humiex se jitqiesu daqstant importanti li jkollhom jinżammu.
Ftit bogħod minn fejn saret is-sejba ta' dawn l-oqbra hemm il-post magħruf bħala 'Għajn Klieb', fejn hemm ħafna fdalijiet tal-Feniċi u l-Kartaġiniżi. F'dawn l-oqbra kienet instabet fost oħrajn figura żgħira tad-deheb.
Irid jingħad li ftit bogħod minn fejn saret din is-sejba, eżattament fir-rawndebawt tan-Nigret fir-Rabat, ukoll kienu nstabu għadd ta' fdalijiet.  Hemmhekk kienu nstabu qabar puniku, amfori funerarji u triq punika. Dawn is-sejbiet issa se jkunu inkorporati fil-proġett ta' Ċentru għall-Konservazzjoni tal-Ilma, li jinkludi wkoll żona ta' rikreazzjoni għall-familja.
minn l-orizzont

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home