Wednesday, May 11, 2016

L-ETUC tipproponi paga minima għall-apprentistat

Il-Prinċipal tal-MCAST, Stephen Cachia qed jibqa' jinsisti li apprentistat tal-istudenti ma għandux jitqies bħala 'xogħol' u dan fid-dawl ta' petizzjoni li qed tinġabar mill-istudenti. Imma qed jirriżulta li l-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Ewropej (ETUC) qed tipproponi li fejn jidħol apprentistat, l-istudenti għandhom jitħallsu jew skont ftehim kollettiv,  jew inkella il-paga minima għall-perjodu tat-taħriġ. Fl-apprentistat mill-istudenti tal-MCAST dawn jitħallsu total bejn l-apprentistat u l-istipendju ta' €433 fix-xahar, li hu ferm il-bogħod mill-paga minima nazzjonali li hi ta' €168 fil-ġimgħa fejn fuq xahar tiġi €728.
Dak propost mill-ETUC u minn Unionlearn jikkontrasta bil-kbir ma' kif inhi s-sitwazzjoni f'Malta.  F'pubblikazzjoni li nħarġet fl-aħħar jiem mill-ETUC intitolata 'Qafas ta' apprentistat ta' kwalità fl-Ewropa', hemm xejn inqas minn 20 proposta ta' kif għandu jkun apprentistat ta' kwalità.  Ir-rapport hu bbażat fuq mudelli ta' prattiċi tajbin fl-Ewropa.
Fost il-proposti hemm li l-apprentistat  għandu jkun formalizzat minn ftehim kollettiv jew liġi nazzjonali, ikun immexxi u assessjati minn sħab soċjali fosthom unjins, flimkien ma' awtoritajiet pubbliċi. Il-proposti jgħidu ukoll li għandu jkun hemm kuntratt formali u jkun żgurat li dawk li jagħmlu l-apprentistat jitħallsu. Proposta oħra hi dik li jkun hemm  taħriġ li jkun qawwi. Il-proposti jinkludu ukoll li l-ħlas għandu jkun kopert bi ftehim kollettiv jew inkella b'paga minima.
Intant studenti fl-MCAST irrejaġixxew għal stqarrija li nħarġet mill-Prinċipal tal-MCAST, Stephen Cachia. F'kummenti lil inewsmalta.com qalulna li "l-prinċipal wieġeb fi stqarrija fejn ikkwota ħażin l-għan tal-paġna li twaqqfet u ta' l-istudenti kollha li tkellmu fuq dan is-suġġett."
Mistoqsi minn inewsmalta dwar il-petizzjoni tal-istudenti, il-Prinċipal tal-MCAST Stephen Cachia qalilna li "l-MCAST ma ssib ebda problema li studenti jesprimu ruħhom permezz ta’ petizzjoni. Anzi huwa pożittiv li f’dan il-livell edukattiv l-istudent isemma' il-vuċi tiegħu. Madankollu nemmnu li dan għandu jsir dejjem b’rispett sħiħ lejn il-verità.
Assolutament mhuwiex minnu li studenti jitħallsu €1.20 fis-siegħa kif qed jingħad. Jekk wieħed jieħu inkonsiderazzjoni l-isponsorship tas-sid tal-post tax-xogħol u l-istipendju sħiħ li jieħdu, l-ammont huwa ferm aktar minn hekk.  Importanti li nkunu ċari ukoll li l-apprentistat mhuwiex impjieg. Huwa ċar li l-apprentistat hu estensjoni tal-istudji tal-istudent u ta' min iħaddem irid jinvesti ukoll fil-ħin tiegħu u tal-impjegati tiegħu sabiex jara li l-apprentist qed jitgħallem fuq il-post tax-xogħol waqt li jkun hemm. Sid il-post tax-xogħol ukoll qed jinvesti fit-taħriġ ta’ apprentistat billi jibqa’ jħallas l-isponsorship anki meta l-istudent ikun qed jistudja l-MCAST."
Ta' min jgħid li l-Prinċipal kien qal li permezz ta’ deċiżjoni li ttieħdet mill-gvern is-sajf li għadda, studenti apprentisti issa qed jibqgħu jitħallsu l-istipendju matul s-sajf, ħaġa li ma ssirx għal studenti post-sekondarji oħra. B’dan il-mod, jekk wieħed jgħodd il-ħlas li jingħataw mill-isponsor tal-apprentistat tagħhom flimkien mal-istipendju li jibqgħu jieħdu, l-istudenti apprentisti jitħallsu €433.96 fix-xahar matul is-sajf tal-ewwel sena tal-apprentista tagħhom u €442.88 fix-xahar matul is-sajf tat-tieni sena.
Minn naħa tagħhom, l-istudenti bdew jiġbru petizzjoni fuq dak li huma sejħu bħala ħlas miżeru għal apprentistat. Huma meta tkellmu ma' inewsmalta.com kienu qalu li tal-apprentistat li jagħmlu jitħallsu €200 fix-xahar għal 16-il siegħa xogħol fil-ġimgħa. Din qed turta lil ħafna minn dawn l-istudenti u kien għalhekk li inbdiet petizzjoni fost l-istudenti bl-għan li din is-sitwazzjoni tiġi rranġata. Il-petizzjoni qed tinġabar mill-għaqda studenteska Pulse.  
Studenti kienu qalulna li "bħalissa qegħdin naħdmu ma' sidien ta' postijiet tax-xogħol differenti. Qegħdin naħdmu 16-il siegħa fil-ġimgħa u għal dan għandna ħlas ta' €200 fix-xahar.  Fix-xitwa naħdmu sittax-il siegħa fil-ġimgħa u ta' dan nitħallsu €200 u magħhom l-istipendju. Fis-sajf naħdmu 40 siegħa fil-ġimgħa u naqilgħu ukoll €200 fix-xahar u magħhom trid iżżid €200 stipendju."
 
Ritratt: Arkivji - Ian Noel Pace
minn l-orizzont

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home