Tiggradwa ta' 82 sena: 'Kelli kollox kontrija imma xorta komplejt nistudja'
"Trid tiġġieled. "Ma tridx iċċedi u taqta' qalbek. Jien kelli kollox kontrija iżda kont determinata li nistudja. Kemm ftit wara l-gwerra biex nmorru l-belt l-iskola u anke fis-snin ta' wara dejjem kienet sfida għalija li nistudja. Iċ-ċirkostanzi mhux dejjem ikunu favurik. Anzi ġieli ssibhom ifixkluk. Meta kont qed nistenna biex nidħol l-università mardet ommi. Iddeċidejt li nieħu ħsiebha. Aktar tard fil-ħajja, marad ir-raġel u dam erbatax-il sena marid serjament. Minkejja kollox ma qtajtx qalbi u bqajt dejjem nistudja. Stajt sirt għalliema imma minflok mort gwida. Ħdimt l-Ingilterra. Wara ħadt boroż ta' studju fil-lingwa Franċiża. Meta rtirajt minn gwida, bdejt kors l-università. Bqajt sakemm ġibt il-PHD sentejn ilu fl-età ta' 82 sena."
Hekk qaltilna Doris Cannataci, li għandha 84 sena u għadha attiva għall-aħħar fejn l-istudju ma jonqosx. Iltqajna magħha fir-residenza tagħha f'Tas-Sliema. Doris, li twieldet il-Ħamrun, titkellem magħna dwar l-ewwel snin ta' ħajjitha li kienu s-snin tat-Tieni Gwerra Dinjija.
"Meta bdiet il-gwerra tlaqna lejn Għawdex. Id-dar tagħna kienet intlaqtet mill-attakki mill-ajru. F'Għawdex konna noqogħdu fil-Lunzjata fejn hemmhekk kellna ukoll għar u ġo fih kien tħaffer xelter. Ġieli domna ġimgħat sħaħ fix-xelter. Għadni niftakar li kellna kċina taħdem bil-pitrolju. Il-ħajja f'Għawdex ma kinitx irħisa. Dan għax meta tmur tixtri kien hemm żewġ prezzijiet, dawk li kienu għall-Għawdxin u dawk għall-Maltin li kienu aktar għaljin. F'Għawdex ma konniex inmorru skola ħlief għal ftit lezzjonijiet fil-privat."
Doris tkompli tgħidilna li "kif waslet biex tintemm il-gwerra irritornajna iżda sibna li d-dar fil-Ħamrun kienet intlaqtet. Minħabba dan konna morna ngħixu fid-dar tal-villeġġjatura San Pawl il-Baħar. Biex minn hemm inmorru l-iskola l-Belt kienet iebsa ħafna. Konna nmorru parti mit-triq bil-mixi, biċċa triq oħra fuq xi karettun u ġieli konna nieħdu rikba ma' xi jeep tas-suldati. L-iskola fil-Belt kienet fejn illum hemm Palazz Spinola."
Fi żmien meta mhux kulħadd seta' jattendi l-iskola, Doris tiftakar ukoll is-snin ta' qabel il-gwerra u tgħidilna li "misiseri kien kaxxier tat-Teżor. Meta kulħadd kien ikollu madwar 3 xelini u nofs paga, missieri kelli lira Sterlina. Hu kien ukoll iżomm il-kontijiet ta' xi negozjanti. Aħna konna erba' subien u jien u għalhekk konna ngħixu tajjeb. Lil missieri tliftu ta' età żgħira ħafna, kelli biss seba' snin".
Minħabba l-iskariġġ li kellhom it-tfal biex imorru l-iskola l-Belt, kienu ddeċidew li jmorru jgħixu għal sitt xhur l-Imsida. "Spiċċajna għamilna sitt snin ngħixu hemm u mhux sitt xhur", qaltilna Doris. "Fis-sena 1944 kont dħalt fl-iskola sekondarja, fejn dak iż-żmien setgħu jidħlu 50 subien u 50 bniet fil-liċeo. Spiċċajt skola f'Tas-Sliema. Għamilt is-Senior Oxford. Dan kont tagħmlu l-Belt, f'ambjent fejn barra l-bini fejn kien qed isir l-eżami kien ikun hemm ħafna għajjat u storbju mit-tfal li kienu jgħixu f'dik iż-żona. Kont se nidħol għal għalliema iżda kien hemm min beda jħassarli. Xtaqt inmur l-università iżda kienet tiftaħ kull tlett snin. Fil-frattemp ommi mardet, u ddeċidejt li la jien biss kont tifla fil-familja, indur biha."
Doris tirrakkonta kif wara li żżewġet, ir-raġel tagħha ried li jagħmel kors fuq it-tagħlim għal dawk li jkunu neqsin mid-dawl. "Kien se jkun l-ewwel wieħed kwalifikat f'Malta għal dan. Il-kors li ried kien fir-Renju Unit. Tlajna ngħixu hemm u jien bdejt niddejjaq dejjem id-dar. Qisni bdejt nagħmel f'qalbi. Kont għedtlu li se nipprova nsib xogħol. Darba minnhom qbadt kowt u mort ġo aġenzija. Dan kien fis-sena 1959. Tawni xogħol bħala 'filing clerk' ġo librerija. Kelli nibda it-Tnejn filgħodu u meta mort sa l-10.30 ta' filgħodu kont għadni ma dħaltx għax-xogħol. Meta dħalt, wieħed mill-uffiċjali qalli li inti kwalifikata ferm aktar minn 'filing clerk' u kienet poġġewni f'sezzjoni oħra. Kellhom ħafna xogħol b'lura u jien kont ġibt kollox fl-ordni. Kelli $6 fil-ġimgħa. Bdejt insib min jgħidli li mhuxx imħallsa biżżejjed għax-xogħol li kont qed nagħmel u tlabt żieda. Tlabthom $7 fil-ġimgħa. Imma wara għedt li se nipprova nbiddel ix-xogħol. Kont mort għand Thomas Cook u dawn impjegawni għal $10 fil-ġimgħa. Hemmhekk kont inkarigata mill-coach tours. Thomas Cook kellhom blokka bini sħiħa li fiha kienu jaħdmu madwar 2,000 impjegat. Fis-sala li kont fiha jien kienu jaħdmu xejn inqas minn 100 ħaddiem. Minn dawk kien hemm 98 irġiel u żewġ nisa biss. Wara tlett xhur bagħtu għalija biex inkun magħhom permanenti, imma jien għedtilhom li qiegħda l-Ingilterra sakemm ir-raġel jagħmel il-kors u mbagħad nirritornaw lejn Malta."
Lura Malta Doris ma toqgħodx lura milli terġa' tibda bl-istudju. "Ix-xewqa li nitgħallem baqgħet dejjem fiha. Qabel kelli kollox kontrija. Iċ-ċirkostanzi tal-ħajja ma' għenux għax kelli nieħu ħsieb lil ommi u għalhekk ma stajtx nkompli nistudja. Kif sibt ruħi lura Malta, reġgħet nibtet ix-xewqa għall-istudju. Bdejt nara x'nista' nagħmel u bdejt b'kors fil-catering. Kont l-ikbar waħda fl-età f'dan il-kors. Għamilt anke is-City and Guilds. Sadanittant, it-tfal kienu bdew jikbru u għedt ħa nerġa' nibda nistudja l-lingwa Franċiża. Sibt kollox differenti minn kif tgħallimt jien. Wara sena kellna test biex jaraw min se jieħu borża ta' studju għal Grenoble. Kont mort jien u anki is-sena ta' wara erġajt mort jien. Meta konna fi Franza ir-raġel kien qalli li se jkun hemm kors għal gwidi tat-turisti. Kont applikajt u bdejt dan il-kors. Kien wieħed intensiv ħafna. Kont għamilt karriera ta' 35 sena ta' gwida għat-turisti Franċiżi. Kienu jiġu negozjanti Franċiżi fosthom diversi li kienu fl-industrija tal-manifattura tat-tessuti. Lili kienu jqabbduni bħala traduttur."
Meta ġejt biex nirtira, dħalt l-Università
Imma l-istudju u t-tagħlim għal Doris m'għandux fruntieri. Fis-sena 1992 irtirat, imma mill-mument li rtirat, bdiet xewqa ġdida. Dik li tidħol l-università. "Dejjem kienet togħġobni ħafna l-arkeoloġija. Kien fetaħ kors tat-teolġija u għedt ħa nieħdu. Ir-raġel kien irtirat. Kont imur filgħaxija l-università. Iggradwajt bħala BA fir-Religious Studies u wara għamilt masters fit-teoloġija. Ma waqaftx hemm u għidt irrid inkompli. Tħajjajrt għall-Filosfija. Iżda f'dan iż-żmien marad ir-raġel. Dam erbatax-il sena marid bi tlett kanċers. Kien minn żmien għal żmien jidħol l-isptar u jerġa' joħroġ. Jien kont qed nagħmel kors onlajn ma università. Kont inmur ħdejh l-isptar u meta nirritorna nkompli. Meta kien ikun id-dar kont noqgħod ħdejh waqt li nkun ukoll qed nistudja. Ġibt il-phd fit-teoloġija min-North West University f'South Africa fis-sena 2014. Dakinhar kellu 82 sena. Kienet sfida iebsa din għax kelli ħafna affarijiet kontrija."
Doris ittemm tgħidilna li "għall-edukazzjoni u għat-tagħlim m'hemmx età. Ma tridtx taqta' qalbek. Trid tgħid irrid inkompli. Jien kull meta sibt ruħi f'sitwazzjoni diffiċli, kont ngħid irrid inkompli, irrid inkompli, u hekk għamilt".
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home