Tuesday, May 10, 2016

'Refuġjati jew migranti ekonomiċi?'

Min jaf kemm il-darba smajna dikjarazzjonijiet li jgħidu 'dawk migranti ekonomiċi u mhux refuġjati', b'riferenza diretta lejn migranti li hawn f'pajjiżna. "Dawk telqu minn pajjiżhom biex jiġu jaħdmu fl-Ewropa." "Telqu minn pajjiżhom biex jaqilgħu aktar flus u jieħdu l-benefiċċji".  'Dawk mhux veru ħarbu persekuzzjoni jew gwerer".  Dawn huma dikjarazzjonijiet li nisimgħuhom regolarment xi drabi anki mill-politiċi, li mhux l-ewwel darba li tkellmu b'ton li qisu hemm xi differenza netta bejn refuġjat u dak li hawn min isejjaħlu immigrant ekonomiku.  Imma studju li għadu kif tlesta u li ħa diversi xhur ta' riċerka fost immigranti f'Malta, l-Italja, l-Greċja u t-Turkija, qed juri sitwazzjoni ferm differenti u dan għax juri li l-motivazzjoni għaliex l-immigranti jivvaġġaw tinbidel maż-żmien. L-istudju jikkonkludi li l-esperjenzi individwali tal-immigranti juru motivazzjonijiet imħalltin u għalhekk dawn mhumiex marbutin ma' influss tal-immigrazzjoni. L-istudju sar minn diversi akkademiċi fosthom Heaven Crawley, Franck Duvell, Nando Sigona, Simon McMahon u Kathareine Jones, li jirrappreżentaw diversi universitajiet fosthom dik ta' Oxford, Birmingham u Coventry.
Ir-rapport intitolat 'Nispezzjonaw  xenarju li qed jinbidel b'mod mgħaġġel - ir-rotot tal-immigrazzjoni", jgħid li "xi wħud mid-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom dawk li jfasslu l-politika b'rabta mal-kriżi ta' immigrazzjoni fil-Mediterran, hi l-assunżjoni li hi possibbli  u faċli li tagħmel differenza bejn dawk li jistgħu jissejħu 'refuġjati' u dawk li jistgħu jissejħu 'migranti ekonomiċi'.  Imma minn dak li  sibna f'dan l-istudju qed jirriżulta li dawk li jagħżlu li jivvjaġġaw, il-motivazzjoni tal-vjaġġ tkun inbidlet matul iż-żmien u din biex tirrispondi għaċ-ċirkostanzi li jsibu ruħhom fihom l-istess persuni. Ħafna minn dawk li jaslu l-Italja jkunu ġejjin minn pajjiżi Afrikani. Ikunu telqu minħabba li jkunu qed isibuha diffiċli biex jgħixu. Ikunu telqu biex isibu xogħol u jkun għamlu dan snin ilu. Biss imbagħad jispiċċaw ikunu sfurzati jerġgħu jiċċaqilqu minħaba kunflitti, persekuzzjoni u diskriminazzjoni."
L-immigranti jagħżlu fejn imorru minħabba benefiċċji?
…ikollhom ftit informazzjoni
Ir-rapport jitratta ukoll l-assunzjoni ta' xi wħud li jiddikjaraw li l-immigranti imorru lejn pajjiżi partikolari minħabba benefiċċji jew politika favorevoli dwar l-impjiegi, servizzi soċjali, edukazzjoni u akkomodazzjoni.  L-assunzjoni li ssir hi li l-immigranti jkunu jafu b'din il-politika jew benefiċċji. Biss minn analiżi li saret minn dawk li ħejjew ir-rapport turi li "r-refuġjati u l-immigranti ikollhom biss informazzjoni parzjali fuq politika dwar migrazzjoni f'pajjiżi partikolari.  Id-deċiżjonijiet dwar fejn se jmorru  isiru waqt il-vjaġġ u ħafna drabi ikunu ibbażati fuq kommunikazzjoni li ssir lilhom minn aġenti jew traffikanti."
Influss wieħed migratorju?
…mhux minnu
Mir-rapport jirriżulta ukoll li mhux minnu lanqas il-perċezzjoni li donnu l-moviment tal-persuni lejn l-Ewropa hu kkawżat minn influss wieħed kontinwu. Ir-rapport jindika b'mod ċar li "x-xejriet ta' migrazzjoni u l-kobor tagħhom hu prodott ta'  diversi toroq migratorji.  Ir-riċerka sabet li ħafna mill-migranti intervistati kienu spostati  jew inkella  kienu ilu jivvjaġġaw għal perjodu twil ta' żmien. Il-movimenti ta' persuni  lejn it-Turkija u l-Greċja hu ddominat minn Sirjani, Iraqqini u persuni mill-Afganistan, waqt li dawk li jivvjaġġaw lejn l-Italja ġejjin  mill-Eritrea, Niġerja, Gambja, Somalja, Sudan u pajjiżi oħra. Imma f'dawn il-migrazzjonijiet ġew identifikati xenarji li juru li kien hemm diversi influssi. Kien hemm  migranti Sirjani li vvjaġġaw direttament mis-Sirja, imma hemm oħrajn li telqu mill-pajjiżi tal-Golf fejn hemmhekk kienu qed jaħdmu u oħrajn li telqu mil-Libanu fejn kienu qed jgħixu bħala refuġjati.
Dawk mill-Afganistan qed jaslu direttament mill-Afganistan jew inkella  mill-Iran, fejn xi wħud minnhom kienu ilhom jgħixu hemm diversi snin. Jekk wieħed jieħu l-Eritreani, issib li hemm minnhom li jagħmlu l-vjaġġ direttament mill-Eritreaa, imma oħrajn jiġu mis-Sudan, l-Eġittu, ir-Rwanda u anke l-Iżrael. Persuni Palestinjani kienu qed jgħixu s-Sirja u anke kienu twieldu hemm, u issa ġew spostati għat-tieni darba. Xi wħud minn dawk li jivvjaġġaw mil-Libja kienu qed jaħdmu hemm għal diversi xhur u anke snin."
Minn analiżi li saret jirriżulta li 56 fil-mija ta' dawk li qasmu mit-Turkija għall-Greċja, il-vjaġġ lejn l-Ewropa dam inqas minn tlett xhur u f'37.5 fil-mija dam inqas minn xahar. B'kuntrast dawk li jivvjaġġaw lejn l-Italja, f'46 fil-mija tal-każi l-vjaġġ tagħhom ikun ilu sejjer għal aktar min sena.  Huma 26 fil-mija tal-immigranti li jivvjaġġaw lejn it-Turkija li l-vjaġġ tagħhom ikun dam aktar minn sena.
L-istudju jappella biex l-Unjon Ewropea jkollha politika koerenti dwar l-immigrazzjoni u li jkun hemm aċċess legali u sigur ta' protezzjoni fosthom għar-riunifikazzjoni tal-familji.
Mill-istudju joħroġ ukoll li waqt li fir-rotta lejn it-Turkija ħafna mill-immigranti jkunu qed jivvjaġaw bit-tfal, fir-rotta lejn l-Italja jirriżulta li ħafna drabi l-immigranti jagħżlu li jħallu t-tfal tagħhom warajhom ma' qraba oħra tal-familja.
minn l-orizzont

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home