Il-bniedem li qatt ma kont tisimgħu jgħid 'uff'…bust għal Clews fl-Isla
Xewqa li kellha l-familja Clews fl-aħħar saret realtà u dan hekk kif ġie inawgurat bust li jfakkar lill-komiku Malti Charles Clews. Il-bust jinsab fil-ġnien tal-Gwardjola fl-Isla u nħadem mill-iskultur Joe Chetcuti fuq inizjattiva tal-familja Clews. L-Arcipriet tal-Isla ddeskriva lil Charles Clews bħala bniedem li ferraħ ħafna nies bil-komiċità tiegħu, iżda dan għamlu b'mod li qatt ma offenda lil ħadd. Alan Clews wieħed mit-tfal ta' Charles qal li kienet ix-xewqa tal-familja Clews li ssir din it-tifkira ta' missierhom f'post prominenti ġewwa l-Isla, il-post fejn twieled u għex ħafna minn ħajtu Charles Clews.Cheryl Mallia, waħda min-neputijiet ta' Charles Clews iddeskrivietu bħala bniedem li minn ħajja iebsa ħareġ bħala raġel ta' veru, 'self made' li ma kienx xi miljunarju imma kien sinjur fil-kultura u t-tagħlim tal-ħajja. Huwa ħadem qatiegħ u rabba' familja b'valuri sodi, fl-imħabba u l-irġulija. Hija semmiet kif lin-nannu tagħha, Charles Clews, qatt ma kont tisimgħu jgħid uff xi dwejjaq u fost ix-xogħol li kien jagħmel anke d-dar, kien isib ħin biex jikteb xi skeċċ għar-rediffusion jew it-televiżjoni, b'dik it-tisfira f'ħalqu bejn it-tajprajter u l-borma.
L-istoriku Charles Coleiro semma' anedotti ħelwin mill-ħajja ta' Charles Clews fejn fost l-oħrajn semma' kif hu kien flimkien ma' komiċi oħra bħal Johny Navarro kienu jtellgħu il-moral tal-ħaddiema tat-tarzna fiż-żminijiet diffiċli tal-gwerra permezz ta' skeċċes komiċi. Coleiro faħħar lill-mibki Charles Clews għall-kapaċitajiet teatrali tiegħu fejn iddeskrivih bħala monument fl-istorja tat-teatru Malti.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home