Tuesday, May 10, 2016

'Mormija barra minħabba biża' li jispiċċaw il-Qorti"

Victor Vella  |  10:53  |  10.05.2016
Il-kwistjoni tas-siringi użati u li jispiċċaw mormija f'postijiet pubbliċi tħasseb lil ħafna b'mod partikolari lil dawk l-ommijiet u missirijiet li għandhom tfal żgħar. Fl-aħħar xhur, f'diversi postijiet pubbliċi u li anke huma frekwentati mit-tfal kienu qed jinstabu b'mod regolari għadd ta' siringi użati. Fost il-postijiet kien hemm bandli fil-Furjana, viċin l-iskola Tereża Nuzzo fil-Marsa u saħanistra f'diversi toroq fosthom każ f'Ħal Luqa. Dawn huma biss parti żgħira mill-postijiet li regolarment ikun hemm rapporti ta' siringi użati mormijin. Ovvjament is-swaba' malajr jiġu ppuntati lejn dawk li jabbużaw mid-droga.  Imma x'inhi r-realtà? Għaliex qed jiġri dan?
inewsmalta.com stħarreġ dwar dan fejn kollox qed jindika li dan qed iseħħ għax drogati li jużaw is-siringi jibżgħu li meta jirritornawhom jispiċċaw jittellgħu l-Qorti. Fi kliem persuni li jaħdmu ma' persuni bil-vizzju tad-droga u anke drogati nfushom, il-Pulizija tista' tuża s-siringa kontrihom f'każi l-Qorti. Quddiem dan jidher li huma diversi dawk li qed jagħżlu l-eħfef triq u jiddisponu minnha ftit wara li jkunu użawha billi jarmuha jew iħalluha x'imkien.
Jidher li aġenziji bħal Caritas li jaħdmu mill-qrib ma' persuni bil-vizzju tad-droga, iridu li jkun hawn programm ta' bdil ta' siringi, fejn dak li jkun jagħti dik użata u jingħata oħra ġdida.
Persuna li xhur ilu kienet bil-vizzju tad-droga meta tkellmet magħna qalilna li "li tieħu siringa biex tiddisponi minnha għand l-awtoritajiet qed tirriskja. Ir-riskju hu li dik is-siringa, tittieħed mill-Pulizja, jagħmlu l-analiżi fuqha biex jaraw xi traċċi fiha. Dik l-istess siringa imbagħad tintuża kontrik. Minħabba dan ħafna jintermew barra."
Anthony Gatt f'isem il-Caritas, f'kummenti lil inewsmalta.com qalilna li "x-xewqa tal-Caritas dejjem kienet li  jkun hemm programm ta' bdil ta' siringi. B'dan qed nifhmu li jkun hemm postijiet fejn dak li jkun imur bis-siringa użata jiddisponi minnha u jingħata oħra ġdida. B'dan il-mod tkun qed tneħħi r-riskju li siringi użata jispiċċaw mormijin f'postijiet pubbliċi. Issa din is-sistema fiha vantaġġ ieħor u dan hu dak li jkun hemm kuntatt bejn dawk li jkunu fil-post fejn jiġu ritornati s-siringi u dawk li jkun fil-problema tad-droga. Bħalissa f'Malta is-sitwazzjoni hi dik li s-siringi jingħataw b'xejn pero m'hawnx dan il-bdil ta' siringi. Issa għandna sitwazzjoni li jekk Pulizija taqbad individwu fil-pussess ta' siringi bid-droga tieħu passi kontrieh. Is-siringa tista' tintuża bħala prova kontra dak l-individwu.  Issa trid tqis li min ikun qed jieħu d-droga ma jkunx qed jirrispetta lilu nnifsu u allura mhux se jirrispetta lil oħrajn."  Jispjegalna li forsi wasal iż-żmien li tiġi mtejba s-sistema.
Minn naħa tiegħu, Charles Miceli, attivist u li kien jaħdem mill-qrib ma' persuni bil-vizzju tad-droga, meta mistoqsi minn inewsmalta.com enfasizza li "forsi tajjeb li l-Pulizija jagħmluha ċara li mhux se jieħdu passi kontra min jinqabad b’labra użata. Naħseb tkun idea tajba kieku dawk li huma f’kuntatt ma’ dawk li jużaw il-labra, bħad-Detox u l-Aġenziji, jenfasizzaw il-perikli tar-rimi barra tas-siringi mal-klijenti. Forsi ta’ min jibda kampanja wkoll biex iċ-ċittadini, speċjalment it-tfal iż-żgħar, jiġu mgħallmin biex ma jmissux labar mill-art."
Mistoqsi jekk jaqbilx mas-sistema preżenti fejn jirrigwarda siringi użati, Charles Miċeli qalilna li  "is-sistema tat-tqassim tas-siringi b’xejn daħlet minħabba l-biża’ tat-tixrid tal-mard fost dawk bil-vizzju tad-droga meta jużaw l-istess labra. Sfortunatament ma nqbadniex daqshekk bl-Aids imma l-Hep C kienet rampanti. Jiġifieri inizjalment kienet idea tajba. Imma trid tiġi mtejba għalkemm mhux faċli."
Nistaqsuh kif suppost dawn is-siringi jingħataw lura biex jieħdu waħda ġdida u hu jgħidilna li "s-suppost ma jeżistix. X’inhuma l-konsegwenza jekk ma tagħtihx siringa? Il-biża’ mhux li dak li jkun taqbiżlu imma li nerġgħu nibdew nisselfu l-labar u jinxtered il-mard b’dannu kbir għall-individwi u għas-soċjetà. Forsi hawnhekk irid jidħol is-sens komun. Fejn jinstabu s-siringi, ġeneralment f’postijiet pubbliċi, wieħed irid jagħmel aktar kontenituri apposta fejn dak li jkun jiddisponi mis-siringi. Jista’ jkun hemm ukoll nies imħarrġin biex jispezzjonaw dawn il-postijiet fuq bażi regolari biex kemm jista’ jkun jeliminaw il-perikli."
Nistaqsu dwar x'alternattivi jista' 'jkun hemm u jgħidilna li "mhux faċli. Imma forsi jekk dawk kollha kkonċernati, inkluż  dawk li jabbużaw, ipoġġu madwar mejda. Ngħidu aħna fil-Komunità Santa Marija jew fil-Komunità Terapewtika ta’ San Blas, tista’ tinstab xi sistema oħra aktar effettiva jew ikun hemm suġġerimenti kif nistgħu nirranġaw is-sistema preżenti. Imma dejjem irridu nżommu li t-tqassim tal-labar huwa l-aħjar sistema fiċ-ċirkostanzi."
Dwar li presumi bil-vizzju qed jibżgħu jirritornaw siringi minħabba proċeduri mill-Puliżija, Charls Miceli qalilna li 'iva  hemm din il-perċezzjoni fost dawk li jużaw il-labra. Forsi tajjeb li l-Pulizija jagħmluha ċara li mhux se jieħdu passi kontra min jinqabad b’labra użata. Naħseb tkun idea tajba kieku dawk li huma f’kuntatt ma’ dawk li jużaw il-labra, bħad-Detox u l-Aġenziji, jenfasizzaw il-perikli tar-rimi barra tas-siringi mal-klijenti. Forsi ta’ min jibda kampanja wkoll biex iċ-ċittadini, speċjalment t-tfal żgħar, jiġu mgħallmin biex ma jmissux labar mill-art."
minn l-orizzont

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home