'Tista' ma ġġibx bidliet radikali fl-Afrika t-Trust Fund ta' €1.8 biljun'
Ħames xhur wara li f'pajjiżna sar il-Valletta Summit bejn pajjiżi Afrikani u pajjiżi Ewropej u li fih kien hemm qbil dwar trust fund ta' €1.8 biljun lill-pajjiżi Afrikani, il-Kummissarju Ewropew għall-Koperazzjoni Internazzjonali Neven Mimica iddikjara li s-somma ta' €1.8 biljun tista' ma ġġibx bidliet radikali f'pajjiżi Afrikani. Din id-dikjarazzjoni qed tkun fuq l-istess linja ta' għadd ta' esponenti u organizzazzjonijiet li ddikjaraw li l-ħolqien ta' dan it-trust fund ma kienx se jsolvi l-problemi fil-pajjiżi Afrikani. Fost ħafna organizzazzjonijiet, is-sejħa hi biex ikun hemm aċċess legali għal migranti lejn l-Ewropa.Il-Kummissarju Mimica, f'intervista li saritlu riċentament ġie mistoqsi jekk jitfgħu kemm jitfgħu flus lejn l-ifqar pajjiżi Afrikani, din hix se tnaqqas dawk li se jippruvaw jitilqu għal ħajja ġdida fl-Ewropa.
Għal dan Mimica wieġeb li, "Naqbel li qed nitkellmu fuq l-ifqar pajjiżi. €1.8 biljun mhux se jġibu bidla radikali. Imma ejja nieħdu kollox flimkien fejn f'azzjonijiet ta' żvilupp hemm €20 biljun għall-Afrika u dawn ħafna minnhom għall-ifqar pajjiżi. Issa li rridu nagħmlu hu li nibdlu l-mentalità tagħna lejn il-proġetti tagħna. Irridu nagħmluhom iffukati u kemm jista' jkun possibbli fuq il-kawżi li qed iwasslu għall-immigrazzjoni. Irridu naraw li dawn ikunu ukoll mgħaġġlin kemm jista' jkun possibbli. Il-programmi ta' żvilupp tagħna, taħt in-National Indicative Programmes u taħt ir-Regional Indicative Programme, għandhom terminu ta' żmien li hu ta' bejn ħamsa u sitt snin. Bit-Trust Fund, dawn iż-żewġ proġetti kienu approvati xahrejn biss wara li sar il-Valletta Summit. Illum, ħames xhur wara, ninsabu fl-istadju operazzjonali tal-proġett."
Spjega li t-terminu ta' żmien għandu jkun ta' bejn sena u sentejn. Iddikjara li jħoss li m'għandux ikun itwal. "Issa rridu nkunu ffukati aktar fuq ir-riżultati, aktar minn kemm nonfqu," qal Mimica.
Intant, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Olandiż, Bert Koenders, fl-aħħar jiem żar il-Mali, Gana u l-Kosta tal-Ivorju u dan biex jiddiskuti l-ftehim li kien sar bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi Afrikani fil-Valletta Summit. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq kif dan il-ftehim jista' jitpoġġa fil-prattika.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' Malta, George Vella, fi tweġiba Parlamentari qal li l-ewwel proġett tat-Trust Fund ġie ffirmat fit-18 ta' Diċembru u se jitwettaq f'erba' reġjuni tat-tramuntana u ċ-ċentru tal-Etjopja bi spiża ta' madwar €20 miljun. Dan hu l-ewwel proġett minn għaxra oħra b'baġit totali ta' €253 miljun li ġew maqbula mill-fond operattiv tat-Trust Fund li kull proġett se jindirizza l-qasam tal-immigrazzjoni irregolari mill-Afriaka Sub Saharjana.
Ġew identifikati wkoll proġetti oħra għas-Somalja, l-Uganda u s-Sudan t'Isfel kif ukoll għoxrin miżura oħra biex jgħinu lir-reġjuni tas-Sahel u Lake Chad. Malta qed tikkontribwixxi €250,000 għat-Trust Fund, maqsuma f'ammont ugwali bejn il-Qarn tal-Afrika u t-Tramuntana tal-Afrika".
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home